Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in u l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, iltaqgħu fi Pyongyang għal taħditiet dwar in-negozjati għall-proċess tad-denuklearizzazzjoni li staġnaw fl-aħħar ġimgħat. Dan meta l-Korea ta’ Fuq, din is-sena, impenjat ruħha għal sensiela ta’ laqgħat mal-ġar kif ukoll mal-Istati Uniti – bid-djalogu ma’ Washington ma javviċinax il-miri mixtieqa min-naħa tal-Punent.
Sadanittant, il-President Moon Jae-in – li, flimkien ma’ martu, jinsab għaddej bi żjara ta’ tlett ijiem fil-kapitali tal-Korea ta’ Fuq – qed jittama li jservi bħala medjatur bejn Pyongyang u l-Istati Uniti, waqt li, fl-istess ħin, jistimola r-relazzjonijiet inter-Koreani.
Mal-wasla tiegħu fi Pyongyang, Moon Jae-in ingħata merħba minn Kim Jong-un u martu, biż-żewġ mexxejja, imbagħad, jivvjaġġaw flimkien bil-karozza minn diversi bnadi tal-kapitali u fil-preżenza ta’ eluf kbar ta’ ċittadini li xejjru l-fjuri u għajjtu slogans favur ir-reunifikazzjoni tal-Korej.
Din hi wkoll l-ewwel żjara ta’ President tal-Korea t’Isfel fi Pyongyang għal għaxar snin, minbarra li t-tielet laqgħa ta’ Moon ma’ Kim Jong-un minn żmien is-summit storiku ta’ April li kien organizzat mal-fruntiera komuni tal-Istati rivali.
Il-Mexxejja, waqt iż-żjara, mistennija jitrattaw ‘passi prattiċi’ għat-tnaqqis tat-theddida nukleari fil-peniżola komuni, iżda l-elementi speċifiċi tad-djalogu ma kenux magħrufa. Fl-istess ħin, ma jidhirx li l-aġenda kellha tinkludi issues tad-drittijiet umani.
Il-Gwerra tal-Korea tas-snin ħamsin kienet intemmet fl-1953 b’armistizju u mingħajr ma n-naħat jiffirmaw ftehim għall-paċi.
//= $special ?>

