Inter immarkaw ir-ritorn tagħhom fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League b’rebħa drammatika ta’ 2-1 fuq Tottenham. Il-gowl deċiżiv wasal proprju fit-92 minuta minn Matias Vecino, li inċidentalment kien l-istess plejer li kien ta r-rebħa lil Inter kontra Lazio fl-aħħar logħba tas-Serie A fl-istaġun li għadda, liema logħba fissret il-kwalifikazzjoni għal din l-edizzjoni.
Wara taqsima li fiha kien hemm ftit opportunitajiet, Tottenham fetħu l-iskor fit-53 minuta b’xutt ta’ CHRISTIAN ERIKSEN li kien imxellef u qabeż lil Samir Handanovic li seta’ biss imiss.
Tottenham dehru li qed jikkontrollaw iżda fis-86 minuta Inter ġabu d-draw meta Kwadwo Asamoah krossja mix-xellug lejn MAURO ICARDI li kien jinsab barra l-kaxxa u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Vorm.
Il-manager Mauricio Pochettino għażel li jiddefendi l-aħħar minuti fejn bidel lil Harry Kane ma’ Danny Rose. Iżda fit-92 minuta Inter skorjaw il-gowl tar-rebħa meta minn korner ta’ Antonio Candreva, għola Stefan de Vrij li tefa’ bir-ras għan-nofs fejn pront kien MATIAS VECINO li b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ lill-partitarji ta’ Inter f’dellirju ta’ ferħ.
Mill-istess Grupp B, Barcelona għelbu lil PSV 4-0 b’Lionel Messi jiskorja tripletta. L-Arġentin fetaħ l-iskor fit-32 minuta bi ġmiel ta’ free-kick. Huma rduppjaw fl-aħħar kwarta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ OUSMANE DEMBELE, biex żewġ minuti wara reġa’ kien LIONEL MESSi għamilhom tlieta b’konklużjoni mill-ewwel.
Barcelona kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fid-79 minuta meta tkeċċa Samuel Umtiti, madankollu reġgħu skorjaw gowl ieħor fis-87 minuta, għal darba oħra permezz ta’ Lionel Messi.
//= $special ?>