Ir-Russja qed issostni li s-Sirjani, fl-aħħar sigħat, spiċċaw iwaqqgħulha ajruplan militari b’missila, filwaqt li qed twaħħal f’Iżrael għall-mewt tal-ħmistax il-persuna li kienu abbord.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li ajruplani tal-gwerra Iżraeljani ‘sfurzaw’ l-ajruplan tat-tip Ilyushin Il-20 lejn zona fejn inqabad mis-sistemi għad-difiżi tal-ajru tas-Sirja ‘u wara li Iżrael naqas milli jwissi b’mod xieraq lil Moska dwar attakk fuq il-miri Sirjani’.
L-ajruplan Russu sparixxa minn fuq ir-radar u jidher li ġġarraf fil-Mediterran.L-Iżraeljani, ftit tal-ħin ilu, esprimew dispjaċir għall-imwiet rappurtati iżda anki ħarġu stqarrija biex iwaħħlu dan l-inċident fir-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, waqt li ssemmiet ukoll ‘l-impreċiżjoni tal-kanuni tas-Sirjani’. Id-dettalji baqgħu xi ftit konfużi, bil-versjoni Russa tal-inċident ma tkunx ivverifikata minn sorsi indipendenti.
L-inċident, skont ir-rapporti, seħħ xi 35 kilometru mill-kosta tas-Sirja waqt li l-Il-20 kien qed jirritorna fil-bażi tal-ajru tar-Russi fi Hmeimim, qrib Latakia. Intant, l-aġenzija tal-aħbarijiet Russa, Tass, qalet li ‘l-ajruplan għeb waqt attakk minn erba’ jets militari ta’ Iżrael fuq il-faċilitajiet tas-Sirjani fil-provinċja ta’ Latakia’. Il-militar Sirjan, min-naħa tiegħu, qal li hu, qabel, ‘kien interċetta missili tal-għadu li kienu sparati lejn Latakia’.
Filwaqt li Iżrael rari jammetti dwar attakki kontra s-Sirja, l-uffiċjali tiegħu, fl-aħħar ġranet, qalu li l-qawwiet Iżraeljani laqtu ‘il fuq minn 200 mira tal-Iranjani fis-Sirja fl-aħħar sena u nofs. Dan meta Iżrael hu mħasseb ‘dwar il-fatt li l-Iran qed jikkonsolida l-preżenza militari fit-territorju Sirjan’.
Intant, il-militar Iżraeljan ma qal xejn dwar l-aħħar rapporti ‘li l-ajruplani tiegħu konċentraw fuq il-faċilitajiet fiz-zona ta’ Latakia’.
Aktar tard, ir-Russja qalet li l-ajruplan tagħha, li kien inkarigat b’missjoni ta’ sorveljanza, ‘kien twaqqa’ b’mod aċċidentali wara li ntlaqat b’missila tas-Sirja’, u bl-istqarrija twaħħal dan ‘fl-azzjonijiet irresponsabbli ta’ Iżrael’. Madankollu, il-President Russu, Vladimir Putin, jidher li qed jaddotta pożizzjoni kawta waqt li qed isostni li ‘l-inċident kien dovut għal sensiela ta’ ċirkustanzi traġiċi’.
//= $special ?>

