L-atturi Britanniċi Claire Foy, Thandie Newton u Charlie Brooker kisbu suċċess notevoli fis-70 Serata tal-Primetime Emmy Awards li saret fil-Microsoft Theatre ta’ Los Angeles.
Foy rebħet il-premju għall-aħjar attriċi f’sensiela drammatika għall-interpretazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II f’’The Crown’ tal-kumpanija Netflix.
Dan waqt li l-attur minn Wales, Matthew Rhys kien onorat bħala l-aħjar attur f’parti ewlenija għal ‘The Americans’.
Intant, l-attriċi Thandie Newton ipprovdiet suċċess ieħor għat-talent Britanniku bħala l-aħjar attriċi f’parti sekondarja għas-sensiela drammatika’Westworld’.
Is-sensiela ‘Game of Thrones’ rebħet żewġ premjijiet – għall-aħjar sensiela drammatika u għall-aħjar attur f’parti sekondarja (Peter Dinklage).
Impressjonat ukoll is-sensiela ‘The Marvelous Mrs Maisel’ li kisbet ħames Emmys fil-kategorija għall-produzzjonijiet komiċi. Din is-sensiela, fil-fatt, kienet rebħet diġà erba’ trofej oħra waqt il-Creative Arts Emmys tal-ġimgħa l-oħra.
L-attur veteran Henry Winkler (magħruf l-aktar għall-karattru ta’ The Fonz fis-sensiela ‘Happy Days’) rebaħ l-ewwel Emmy fil-karriera tiegħu – bħala l-aħjar attur f’parti sekondarja għal sensiela komika għar-rwol tiegħu f’’Barry’.
//= $special ?>

