Lokali

L-MNPN jikkundanna bla riserva kull tip ta’ vjolenza domestika

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) jikkundanna bla riserva kull tip ta’ vjolenza domestika indirizzata lejn kull tip ta’ ġeneru filwaqt li jħeġġeġ lill-Gvern ikompli jagħti l-mezzi meħtieġa lill-entitajiet Governattivi sabiex ikunu f’pożizzjoni li joffru kull għajnuna meħtieġa fil-ħin.

Charlene Buttigieg Farrugia, President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, tenniet li aktar minn hekk, l-entitajiet Governattivi għandhom jaġixxu b’mod pro-attiv sabiex jiġu evitati każijiet ta’ vjolenza domestika u iżjed u iżjed jiġi evitat li persuna tispiċċa titlef ħajjitha.

L-MNPN jinsisti li filwaqt li hu pożittiv li ġiet irratifikata l-konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Istat Malti, il-Gvern irid jagħmel l-almu kollu tiegħu sabiex dak mitlub mill-istess konvenzjoni, ikun attwat bil-fatti. Dan għaliex li tirratifika strument internazzjonali li ma jiġix implimentat dak mitlub minnu, ma jkun xejn ħlief mezz sabiex jiġi aljenat il-poplu Malti.