Tliet Membri Parlamentari tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew talbu lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iħalli lill-MV Lifeline, Seawatch u l-ajruplan Moonbird jagħmlu l-missjoni tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet. Dan wara li t-Tnejn filgħaxija kellhom laqgħa mal-ekwipaġġi tal-MV Lifeline u s-Seawatch.
Martina Anderson, Jean Lambert u Peter Niedermuller qed jibagħtu ittra miftuħa lill-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat dwar il-waqfien tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru ta’ tiftix u salvataġġ ta’ dawn l-NGOs. Huma qed jenfasizzaw li att umanitarju bħas-salvataġġ fuq il-baħar mhuwiex reat u qatt m’għandu jiġi kriminalizzat. F’Lulju li għadda l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tenfasizza li l-atti ta’ assistenza umanitarja m’għandhomx jiġu kriminalizzati.
Huma fakkru wkoll l-appoġġ tagħhom għar-riforma tas-sistema ta’ Dublin ibbażata fuq kondiviżjoni tar-responsabbiltà u solidarjetà. Pożizzjoni li hi adottata mill-Parlament Ewropew.
Fl-ittra tagħhom dawn it-tliet MEP’s qed jitolbu lill-Gvern biex iwaqqaf din id-detenzjoni illegali ta’ dawn id-dgħajjes u l-ajruplan Moonbird biex b’hekk jitħallew jitilqu minn pajjiżna. “Filwaqt li qed naraw numru akbar ta’ mwiet fuq il-baħar u sitwazzjoni ta’ sigurtà li qed tiddeterjora fil-Libja, li nsalvaw il-ħajjiet fil-baħar għandu jibqa l-prijorità. In-nies qed jisparixxu fil-baħar. Is-sitwazzjoni tant saret gravi li s-sajjieda meta jkunu f’nofs ta’ baħar, qed isibu iktar nies milli ħut.” Huma tennew id-diżappunt tagħhom għall-falliment tal-Gvern li mhux qed jikkopera ma’ dawn l-NGO’s biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu salvati iktar ħajjiet.
It-tliet MEP’s saħqu li se jkomplu jaraw li jkun hemm tqassim ġust bejn l-Istati Membri tal-Unjoi Ewropea tan-nies salvati fuq il-baħar. Waqt li jħeġġu lill-kunsill biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu, se jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jikkonvinċu lill-istati membri biex jirrilokaw nies li jkunu żbarkati f’Malta
F’Ġunju li għadda, l-MV Lifeline inqabad f’nofs kwestjoni taħraq bejn Malta u l-Italja hekk kif iż-żewġ pajjiżi rriffjutaw li jieħdu responsabbiltà tal-persuni salvati abbord dan il-vapur. Fuq il-vapur kien hemm 239 immigrant, u l-Kaptan Olandiż flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu għadhom għaddejjin bi proċeduru fil-qorti.
Il-Bord ta’ Seawatch kien bagħat ittra lill-Prim Ministru fejn żammu responsabbli tal-imwiet li qed iseħħu fl-ibħra meta dawn jistgħu jiġu evitati bil-ħidma tal-istess vapur. L-MV Seawatch, bħall-MV Lifeline jinsab miżmum mill-awtoritatjiet Maltin skont il-bord mingħajr ġustifikazzjkoni legali.
//= $special ?>