Futbol Sport

Liverpool jirbħu lejn it-tmiem b’gowl ta’ Roberto Firmino

(Ritratt: EPA)

L-aktar logħba li spikkaw fis-sitt logħbiet li ntlagħbu filgħaxija kienet bejn Liverpool u PSG, bit-tim Ingliż jirbaħ 3-2 fil-ħin miżjud. It-tim ta’ Klopp kien ħa vantaġġ doppju permezz ta’ DANIEL STURRIDGE man-nofs siegħa logħob, b’JAMES MILNER jirdoppja l-iskor sitt minuti minn penalty wara fawl fuq Wijnaldum.

PSG daħlu fil-logħba fl-40 minuta b’xutt bix-xellug ta’ THOMAS MEUNIER u ġabu d-draw fit-83 minuta wara li d-difiża ta’ Liverpool inqabdet fuq sieq waħda, b’KYLIAN MBAPPE jegħleb lil Alisson b’xutt fil-baxx. Il-logħba dehret li se tintemm fi draw iżda s-sostitut ROBERTO FIRMINO kellu ħsibijet oħra hekk kif għeleb lil Alphonse Areola b’xutt djagonali fil-baxx mill-kaxxa, fost il-ferħ ġustifikat tal-partitarji ta’ Liverpool.

Fil-logħba l-oħra minn Grupp B, Napoli naqsu li jiftħu b’rebħa wara li kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 barra minn darhom kontra Red Star Belgrade.

Atletico Madrid dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Monaco 2-1 barra minn darhom. Monaco kienu marru minn fuq fit-18-il minuta permezz ta’ Samuel Grandsir, iżda Atletico Madrid l-ewwel ġabu d-draw fil-31 minuta b’xutt fil-baxx ta’ DIEGO COSTA, biex skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ JOSE GIMENEZ minn korner.

Mill-istess Grupp A, Borussia Dortmund rebħu 1-0 kontra Club Brugge barra minn darhom. Il-gowl rebbieħ ġie skorjat fil-85 minuta f’azzjoni fortunata meta Matej Mitrovic prova jbiegħed il-periklu fil-kaxxa, il-ballun ħabat ma’ Christian Pulisic u spiċċa biex qabeż lill-gowlkiper Karlo Letica u spiċċa fix-xibka.

Galatasaray kisbu rebħa impressjonanti meta għelbu liċ-champions Russi Lokomotiv Moscow 3-0. Garry Rodrigues fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa. Eren Derdiyok irdoppja fis-67 minuta bi free-kick fil-baxx, biex Selcuk Inan issiġilla r-rebħa fl-94 minuta minn penalty.

Fil-logħba l-oħra minn Grupp D, Schalke u Porto spiċċaw 1-1. Alex Telles falla penalty għal Porto fit-13-il minuta bix-xutt ikun salvat minn Fahrmann. Schalke fetħu l-iskor fl-64 minuta b’xutt imkaxkar ta’ Breel Embolo wara azzjoni ta’ kontrattakk. Porto ngħataw it-tieni penalty fil-75 minuta meta Moussa Marega deher iqarraq bir-referee biex rebaħ il-penalty. Mill-11-il metru Otavio din id-darba ma żbaljax.