Hekk kif ninsabu fl-aħħar ftit ġranet tas-Sajf, problema li kkaratterizzat is-sajf Malti ta’ din is-sena, jidher li se tkompli tippersisti fejn kienu ħafna l-konsumaturi li lmentaw ma’ Net News li mhumiex qed isibu biżżejjed ħalib x’jixtru.
Saħanistra t-Tlieta filgħodu rċevejna lmenti minn konsumaturi minn Ħal Tarxien u anke minn Santa Venera li qalu li meta marru jixtru l-ħalib, tal-ħanut qalilhom li setgħu jieħdu biss kartuna waħda, waħda għal kull familja.
Dawn il-konsumaturi qalu li peress li bħalissa t-tfal għadhom ma bdewx l-iskola, l-konsum tal-ħalib fid-dar jiżdied, speċjalment fejn ikun hemm tfal żgħar. Dan qed iwassal biex il-konsumaturi qed ikollhom jagħżlu prodotti oħra, li skont huma, mhumiex tal-istess kwalita’.
Tkellimna ukoll ma’ sidien tal-ħwienet li kkonfermaw li qed jingħataw ammont żgħir ta’ ħalib x’ibiegħu u dan qed iwassal biex il-konsumaturi ma jsibux biżżejjed ħalib x’jixtru.
Kelliem għall-kumpanija Benna qal li d-domanda għall-ħalib frisk u prodotti tal-ħalib qed dejjem tiżdied u dan peress li żdiedet il-varjeta’ tal-prodotti kif ukoll żdiedet il-popolazzjoni. L-istess kelliem qalilna li l-kumpanija qed taħdem fuq pjan strateġiku fit-tul biex tipprova tlaħħaq mat-talba għall-ħalib frisk mingħajr ma jkollha bżonn tirrikorri għal ħalib impurtat jew alternattivi tal-ħalib.
//= $special ?>