Lokali Qorti

Propjeta’ li ilha snin ikkapparrata mill-Partit Laburista

Is-sidien qed jitolbu ġustizzja

Propjeta’ kbira fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa ilha għal kważi erbgħin sena ikkapparratha mill-Partit Laburista, u dan għal kirja miżera ta’ €1,164 fis-sena.

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet ippreżentata ittra ġudizzjarja fejn l-Avukat Franco Grima u l-familja Ellul Sullivan qed iżommu responsabbli ta’ dan in-nuqqas lil Avukat Ġenerali, lil Gvern u lil Partit Laburista.

Erbgħin sena ilu, din id-dar, li kienet tintuża bħala lukanda fiċ-ċentru tal-bajja, ittieħdet b’rekwiżizzjoni mill-Awtorita’ tad-Djar bl-iskuża li dan il-bini kien se jinbidel f’telephone exchange u berġa tas-saħħa. Minflok iżda dan il-bini, flimkien ma’ dar oħra kantuniera magħha, ġew trasformati fil-Każin Laburista tal-lokal.

Is-sidien qed jgħidu li l-kirja miżera żgur ma tirriflettix il-valur ta’ din il-propjeta’, kirja li minħabba klawsola f’kapitlu 69 tal-liġijiet ta’ Malta, ma tistax togħla. Is-sidien qed isostnu li dan it-taparsi ftehim qed jikser id-drittijiet tagħhom, fejn mhux biss ilhom dawn is-snin kollha jiġu misruqa mill-użu ta’ propjeta’ li hi tagħhom bi dritt, iżda ukoll għall-fatt li hemm diskrepanza kbira bejn id-drittijiet tagħhom bħala sidien u dawk tal-okkupant, li f’dan il-kas hu l-Partit Laburista.

Fil-ġranet li ġejjin mistennija tkun ippreżentata ukoll ittra ġudizzjarja fil-qorti kostituzzjonali bil-għan li l-propjeta’ terġa’ tgħaddi għand is-sidien u jiġu mħallsa l-flus dovuti lil familja tul dawn is-snin.