L-Assoċjazzjoni tar-Residenti ta’ Ħ’Attard, l-AREN, tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li kien hemm mal-elf u erba’ mitt sottomissjoni ta’ proposti lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, rigward il-proġett tas-Central Link. Stqarrija maħruġa mill-AREN tgħid li dan huwa riżultat tad-diskussjoni wiesgħa li tqanqlet f’dawn l-aħħar ġimgħat, riżultat imsarraf fi proposti li juru li dan il-proġett jista’ jsir b’inqas dannu għas-saħħa tar-residenti u anqas dannu għall-ambjent.
L-istqarrija tfakkar li l-proġett kif propost bħalissa jista’ jwassal għal qerda ta’ 48,000 metru kwadru ta’ art saqwija u agrikola, 450 siġra kif ukoll il-qerda tal-għixien ta’ 47 bidwi. Barra minn hekk se jiżdied ukoll in-numru ta’ vetturi li se jgħaddu miz-zona, b’żieda fit-tniġġis. Dan bir-riskju kemm ta’ aktar problemi għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll li l-Unjoni Ewropeja tieħu miżuri drastiċi kontra Malta jekk il-livelli ta’ tniġġis ikunu inaċċettabli.
L-AREN tappella li għalkemm tikkunsidra l-idea ta’ trasport alternattiv bħala l-aħjar soluzzjoni, bħalissa jidher li dan il-pjan tqiegħed fuq l-ixkaffa. Għalhekk l-AREN qed tipproponi li ssir by-pass skont standards internazzjonali; by-pass elevat fuq pilastri. L-AREN tappella biex kull min għandu proposti u idejat pożittivi iressaqhom ħalli b’hekk jintlaħaq l-għan li kull żvilupp li jsir ikun wieħed sostenibbli.
//= $special ?>