Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech iressaq proposti biex isaħħaħ il-liġi dwar il-whistleblowers

L-MEP Francis Zammit Dimech ressaq numru ta’ proposti quddiem il-Kumitat responsabbli mill-Media, biex tissaħħaħ il-liġi dwar il-whistleblowers. Zammit Dimech ressaq emenda li ssejjaħ lill-Istati Membri biex jassiguraw li persuni li għandhom jingħataw il-protezzjoni bħala whistleblowers, jingħataw id-dritt tal-appell quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja, meta dawn il-persuni jkunu mċaħħda mir-rikonoxximent jew il-protezzjoni tal-whistleblowers mill-awtoritajiet relevanti li għandhom ir-rwol li jagħtu l-istatus lill-persuni li jkunu qed jagħmlu t-talba. Il-proposta ta’ Zammit Dimech irċeviet l-appoġġ tal-gruppi politiċi l-oħra.

Zammit Dimech enfażizza li taħt l-ebda ċirkustanza, l-awtoritajiet li jagħtu l-istatus ta’ whistleblower m’għandhom ikollhom kunflitt ta’ interess dwar jekk għandiex tingħata l-protezzjoni ta’ whisteblower. “Il-protezzjoni tal-whistleblowers tfisser li niproteġu ċ-ċittadini tal-UE, hi kruċjali wkoll għall-ġurnaliżmu investigattiv, u għalhekk hi importanti u jien inwiegħed li nsaħħaħ din il-liġi,” żied jgħid. “Ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn il-protezzjoni tingħata skont min jonfoħ is-suffara u skont x’jgħid.”

Zammit Dimech, li hu r-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar il-fajl leġiżlattiv fil-Kumitat, għamel ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers f’każ li l-kontenut ikun pubbliku. Hu propona li whistleblowers għandhom ifittxu, meta jkun possibbli, li jinfurmaw sistemi jew aġenziji ta’ rappurtaġġ interni, imma meta jaraw li dan ma jkunx possibbli, jistgħu jkunu liberi li jinfurmaw lill-pubbliku b’mod dirett, eżempju permezz tal-media. “Il-whistleblowers għandhom ikunu protetti irrelevanti mill-mod ta’ kif jirrapportaw l-informazzjoni li jkollhom,” qal Zammit Dimech. Hu ssuġġerixxa wkoll li persuna li tagħmel rapport jew tikxef xi ħaġa b’mod anonimu, u li eventwalment tkun identifikata, għandha tikkwalifika għall-protezzjoni, kif hemm miktub fid-direttiva, bl-istess kundizzjonijiet tal-persuni li jkunu identifikaw lilhom infushom meta jkunu għamlu r-rapport.

Il-vot fil-Kumitat responsabbli għall-media mistenni jsir fl-10 ta’ Ottubru.

Zammit Dimech se jkun ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar il-leġiżlazzjoni ġdida dwar il-whistleblowers