Lokali

1964: L-aħħar ġirja lejn il-kisba tal-Indipendenza (5)

Kitba ta’ Joe M. Zahra f’In-Nazzjon

Ħriġt mingħand Ġorġ Borg Olivier mimli kuraġġ. Meddejt għonqi għax-xogħol mill-ewwel. L-editur kien l-Avukat Benny Camilleri. Jgħinu fuq bażi part-time kien hemm Frank Spiteri, li minn hemm ’il quddiem sirna ħbieb kbar u ħdimna flimkien għal bosta u bosta snin.

Jien ħadt f’idejja l-ġurnal. Ħafna mill-kitba, inklużi l-aħbarijiet barranin li kont nieħu minn stazzjonijiet tal-aħbarijiet barranin, kont nagħmilha jien. It-tqassim u l-preżentazzjoni kienu wkoll f’idejja. Frank kien jgħinni fil-korrezzjonijiet. Kien jikteb ukoll. Ħdimna bħala tim żgħir.
Sal-jum tar-referendum il-Partit Nazzjonalista sejjaħ diversi mass meetings li kont nirrapporta jien. Bid-differenza li filwaqt li qabel l-elezzjoni tal-1962 Borg Olivier kien irid jara r-rapporti ta’ dak li jkun qal, għar-referendum kien ħalla kompletament f’idejja! Kienu jiem ta’ ħidma kbira.

Bilkemm kien ikolli ċans immur norqod. Minn xogħol għal xogħol u b’ħidma li twassal tul l-iljieli.

Biss kont kuntent għax l-affarijiet dehru ġejjin favur tagħna. It-tim ta’ Nazzjonalisti li kienu qed jaħdmu favur l-Indipendenza kiber u l-organizzazzjoni ssaħħet. Kien hemm jaħdmu rġiel u nisa, żgħażagħ ta’ kull età. Kienu jsiru żjarat fid-djar fejn il-poplu kien jiġi mfiehem x’verament tfisser l-Indipendenza. Home visits f’Malta u Għawdex għaliex l-oppożizzjoni kienet kbira u l-Partit Nazzjonalista kien waħdu jikkumbatti kontra erba’ partiti politiċi li għal raġuni jew oħra kienu kontra l-kostituzzjoni li ried il-Gvern Nazzjonalista.

Il-mistoqsija nbidlet
Il-mistoqsija lill-poplu nbidlet xi ftit minn dik imħabbra fl-istqarrija tal-15 ta’ Marzu. Il-poplu issa ġie mistoqsi: “Inti tapprova l-Kostituzzjoni għall-Indipendenza, proposta mill-Gvern ta’ Malta, approvata mill-Assemblea Leġiżlattiva u ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern Malti tad-9 ta’ April, 1964?” 79.57 fil-mija ta’ dawk bi dritt għall-vot tefgħu l-vot tagħhom.

Minn dawn 65,714 ivvutaw ‘Iva’, 54,919 ivvutaw ‘Le’ filwaqt li 9,016-il vot ġew iddikjarati invalidi. Hekk il-Kostituzzjoni ġiet approvata mill-poplu. Il-poplu kien ta raġun lil Borg Olivier u raddlu lura l-fiduċja kbira li kellu fih. Għal darb’oħra Borg Olivier wera fidi u fiduċja fil-poplu u determinazzjoni fil-ġlieda tiegħu biex pajjiżna jikseb ir-riedni tat-tmexxija. Għal darb’oħra rajt kemm kien kbir Borg Olivier u kemm kien jifhem il-polz tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista ċċelebra r-rebħa tar-referendum b’mass meeting f’Ħaż-Żebbuġ il-Ħamis 7 ta’ Mejju, nhar Lapsi. Mass meeting li kellu attendenza enormi u fejn il-Prim Ministru ħabbar li fi ftit ġranet oħra kien se jmur Londra “bil-prova li dawk li tawni l-vot fl-aħħar elezzjoni riedu l-Indipendenza.”

Borg Olivier tela’ Londra fid-19 ta’ Mejju. Qabel telaq qal lill-ġurnalisti li kien fiduċjuż li l-Liġi dwar l-Indipendenza ta’ Malta tgħaddi mill-House of Commons malajr filwaqt li ħabbar li kienet l-intenzjoni tiegħu li jiffirma Trattat ta’ Difiża mar-Renju Unit. F’Londra Ġorġ Borg Olivier kellu diversi taħditiet ma’ Duncan Sandys, Segretarju tal-Istat għall-Commonwealth u l-Kolonji.

Ittra li bqajt ngħożż
Mingħand Borg Olivier irċevejt ittra dakinhar li wasal Londra. Ittra sabiħa li bqajt ngħożż fost l-iktar affarijiet li għandi għal qalbi. Ġorġ Borg Olivier kitibli hekk:
“Nesprimi s-sentimenti ta’ gratitudni lejk għax-xogħol li għamilt fil-kampanja tar-referendum.
Jiena ċert li s-suċċess li kiseb il-Partit kien dovut, fil-parti l-kbira, għall-ħidma bla serħan li inti u attivisti oħra wettaqtu b’sagrifiċċji personali kbar. Naf li dak li għamiltu kien ispirat mill-imħabba li għandkom lejn l-ideali nobbli tal-Partit Nazzjonalista u lejn il-maħbuba Malta tagħna.
Nispera li fil-futur insib il-ħidma u l-appoġġ tiegħek u tal-attivisti l-oħra biex flimkien inżommu dejjem tperper il-Bandiera Nazzjonalista.
B’nies bħalek madwari, jiena lest biex naffronta kwalunkwe oppożizzjoni.
Għoddni tiegħek,
Ġorġ Borġ Olivier
Il-Kap tal-Partit”

Iż-żjara f’Londra kellha tkun l-itwal żjara tal-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier fil-belt kapitali Ingliża. Żjara ta’ aktar minn xahrejn li matulhom Ġorġ Borg Olivier wera l-ħiliet kollha tiegħu ta’ mexxej biex jikseb l-aħjar għal pajjiżna. Tul dawn ix-xahrejn ingħaqdu mal-Prim Ministru diversi uffiċjali governattivi biex seta’ jintlaħaq ftehim sew dwar il-ġurnata tal-Indipendenza kif ukoll dwar ftehim finanzjarju u ta’ difiża.

L-aħbar ixxandret fil-21 ta’ Lulju 1964
L-aħbar li kien intlaħaq ftehim dwar il-kostituzzjoni għal Malta Indipendenti, dwar id-data tal-Indipendenza u dwar trattat ta’ difiża u ftehim finanzjarju ngħatat mis-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji Duncan Sandys fi stqarrija li għamel fil-Parlament Ingliż fil-21 ta’ Lulju 1964. Duncan Sandys qal: “Dalgħodu temmejt in-negozjati twal li kelli mal-Gvern Malti dwar l-Indipendenza. Bħala riżultat ftehimna dwar il-forma tal-kostituzzjoni futura għal Malta. Din se tkun fuq il-linji proposti mill-Gvern ta’ Malta b’ċerti emendi importanti li ftehimna dwarhom.

“Il-Gvern ta’ Malta wera x-xewqa tiegħu li Malta tibqa’ monarkija bil-Maestà Tagħha bħala reġina ta’ Malta; infurmawni bl-intenzjoni tagħhom li jissieħbu fil-Commonwealth.

“Dalgħodu wkoll inizjalajna ftehim dwar id-Difiża u Għajnuna Finanzjarja li se jiġu ffirmati dakinhar tal-Indipendenza.

“Il-Ftehim ta’ Difiża jippermetti lill-Forzi Militari Ingliżi li jibqgħu f’Malta għal 10 snin. Taħt il-Ftehim Finanzjarju r-Renju Unit, tul l-istess perjodu ta’ snin, jipprovdi għajnuna kapitali għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija u għajnuna għall-emigrazzjoni sa total ta’ 50 miljun lira Sterlina.

“It-test tal-kostituzzjoni l-ġdida qed jiġi ppubblikat illum bħala White Paper, u numru limitat ta’ advanced copies taż-żewġ ftehimiet jistgħu jinkisbu mill-Voter Office.

“Minkejja ż-żmien qasir taż-żmien parlamentari li baqa’, nispera li l-Kamra tkun tħossha disposta li tgħaddi l-liġi neċessarja dwar l-Indipendenza qabel il-Parlament jieqaf. Nifhem li qed nitlob ħafna mill-Onorevoli Membri. Iżda kif jafu l-Indipendenza ta’ Malta diġà kellha tiġi posposta mid-data tal-31 ta’ Mejju. Hu għalhekk desiderabbli ħafna li ma ntawlux aktar milli hu neċessarju.”

Is-6 parti tidher f’In-Nazzjon ta’ għada