Lokali

Delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari f’Malta biex tinvestiga s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna

Illum f’Dar L-Ewropa fil-Belt Valletta, delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari kellhom sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi persuni u gruppi sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna.

Id-delegazzjoni kellha laqgħat ma’ grupp ta’ ġurnalisiti, ma rappreżentanti tal-FIAU, mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, u ma’ gruppi ta’ attivisti mis-soċjeta’ ċivili.

Wara l-laqgħat tiegħu, Peter Grech li kien preżenti kemm fil-laqgħa tad-delegazzjoni kemm bħala Chairman tal-FIAU kif ukoll bħala Avukat Ġenerali qal li l-laqgħat kienu civilzzati u pożittiva.  Hu qal spjegaw kif bħala prosekuzzjoni dejjem leali lejn il-fatti u lejn liġi.  Hu spjega kif ġew diskussi ukoll xi aspetti tal-proċess penali f’Malta.

Skont l-Avukat Ġenerali id-diskussjoni kienet “kważi kollha kemm hi diskuzzjoni pożittiva fejn kull parti tagħmel il-parti tagħha”.

L-istess delegazzjoni mistennija tiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, ma’ rappreżentanti ta’ Henley & Partners u mal-Kummissarju tal-Pulizija.

Id-delegazzjoni hi mmexxija mill-MEP Liberali Sophie in ‘t Veld, waqt li l-membri l-oħra huma l-MEP Maltija Roberta Metsola f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-MEP Soċjalist Josef Weidenholzer, l-MEP tal-Konservattivi Monica Macovei, u l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold.

Dan il-grupp ta’ ħidma twaqqaf f’Mejju li għadda, u għandu r-rwol speċifiku li jinvestiga s-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’Malta u fis-Slovakkja. Filfatt, eżatt qabel ġew Malta, l-istess MEPs kellhom żjara ta’ jumejn simili fis-Slovakkja. Dan wara l-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu.