“Il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista llum hi bżonnjuża aktar minn qatt qabel fl-istituzzjonijiet Ewropej biex inkomplu niddefendu isem pajjiżna. Dan qed nagħmluh mhux bil-kliem biss, iżda wkoll bil-fatti.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’għeluq diskussjoni mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Din id-diskussjoni saret fuq il-Fosos tal-Furjana fejn qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza.
Ħidma fl-Ewropa b’risq il-Maltin fuq kwistjonijiet importanti – Adrian Delia
Adrian Delia, li kien qed jagħti messaġġ mill-Awstrija fejn qed jipparteċipa f’summit mal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew f’Salzburg, qal li bil-preżenza tiegħu qed ikompli jiġġieled għad-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, fost l-oħrajn dwar kwistjoni importanti bħalma hi l-immigrazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għall-appoġġ lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għax jemmen li jiffurmaw tim wieħed li kapaċi jaħdem b’risq Malta f’Unjoni Ewropea magħquda u b’vuċi waħda.
Fl-istess attività tkellmu l-kandidati li l-Partit Nazzjonalista għadu kemm approva għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
Peter Agius
Dr Peter Agius qal li wasal iż-żmien li nkomplu bir-Rebbiegħa Ġdida li l-Partit Nazzjonalista ta lil Malta bis-sħubija fl-UE. Sostna li hu biss bil-bidla li kapaċi joffri l-Partit Nazzjonalista li nkunu nistgħu nkomplu nwittu t-triq tagħna fost ħutna l-Ewropej. Qal li flimkien mal-MEPs l-oħrajn eletti mal-Partit Nazzjonalista jrid jara li bis-sehem tiegħu wkoll, pajjiżna verament ikollu ‘Soċjetà li Jimpurtaha’ minn kulħadd. Din tkun ir-rebbiegħa li jmiss għal pajjiżna.
Dione Borg
Dione Borg qal li wasal iż-żmien li permezz tal-UE, is-soċjetà Maltija jkollha vuċi qawwija biex tkun hi li tixpruna l-inizjattivi ġodda. Hu qal li l-UE għandha tersaq aktar lejn in-nies billi tifhimhom iktar, kif għandhom jagħmlu wkoll il-kandidati u l-MEPs. Hu sostna li fost il-problemi li qed jolqtu lis-soċjetà Maltija hemm in-nuqqas ta’ sigurtà f’diversi lokalitajiet. Jeħtieġ li jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-persuni u l-komunitajiet.
Michael Briguglio
Is-soċjologu Dr Michael Briguglio qal li f’dawn l-aħħar 25 sena li ilu attiv fis-soċjetà ċivili u l-politika kien attiv f’kampanji li kellhom suċċess fl-oqsma ambjentali u soċjali. Sostna li bħala soċjologu jipprattika politika man-nies li hi bbażata fuq id-djalogu, ir-rieda tajba u l-evidenza. Ikkonkluda li ser ikompli jleħħen ix-xewqat tan-nies b’mod onest u raġunat, u joffri proposti konkreti għal politika Ewropea li tħares il-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
David Casa
L-MEP David Casa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq quddiem biex jassigura s-suċċess ta’ pajjiżna. Qatt ma beża’ jiddefendi s-sewwa. Hu saħaq li l-poplu tagħna qed jiffaċċja Gvern Laburista li nqabad jisraq mingħand in-nies u li ħataf l-istituzzjonijiet li suppost jiddefendu lin-nies. Għalhekk hu importanti li l-poplu Malti jingħaqad biex jegħleb l-isfidi, u li l-Partit Nazzjonalista, kif dejjem għamel, ikun sod quddiem l-attakk tal-Gvern fuq l-istituzzjonijiet.
Roberta Metsola
L-MEP Roberta Metsola saħqet li t-tema tal-festi tal-Indipendenza, ‘Soċjetà li Jimpurtaha’, toħroġ id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, u tirrifletti sew xi jfisser li wieħed ikun ‘Nazzjonalist’. ‘Soċjetà li Jimpurtaha’ tgħaqqad fl-ideal u fil-politika lil dawk li jemmnu li l-politika hi servizz. Il-valuri Ewropej huma l-valuri tagħna, qalet Roberta Metsola, imma l-Gvern Laburista hu bla valuri u bla prinċipji, u jmexxuh biss il-kilba, l-immedjat u l-flus.
Frank Psaila
Dr Frank Psaila qal li fil-Parlament Ewropew jitkellem f’isem iż-żgħir u l-ħaddiem. L-Ewropa hi għodda ta’ kenn u wens. Irridu nħaddmu din l-għodda tajjeb billi nkunu vuċi b’saħħitha għad-dgħajfin. Hu qal li qiegħed joffri paġna ġdida, mhux b’diżrispett għal dak li sar s’issa, imma biex flimkien ma’ Adrian Delia nkomplu nġeddu l-Partit u nagħmluh tan-nies. Għalhekk daħal fil-politika, għax jemmen fin-nies, għax ġej miż-żgħir u mill-ħaddiem, temm Dr Psaila.
Francis Zammit-Dimech
Dr Francis Zammit-Dimech qal li qiegħed jaħdem fil-Parlament Ewropew biex iwassal il-vuċi tal-Maltin. Fisser il-ħidma tiegħu fuq oqsma li talbuh in-nies stess: aktar servizzi għad-dijabetiċi, il-ġlieda kontra l-kanċer, charter Ewropew fuq id-dyslexia, is-sajd rikreattiv, aktar flus għall-bdiewa, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, il-libertà tal-kelma u t-tisħiħ tal-liġi tal-whistleblowers. Qal li se jkompli juża l-esperjenza kollha tiegħu b’lealtà sħiħa lejn il-PN u l-pajjiż ħalli jkollna soċjetà li jimpurtaha.
Il-Gvern qed jaħbi l-pjanijiet tiegħu
Din l-attività nfetħet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari, David Agius, li qal li pajjiżna għandu bżonn ta’ Soċjetà li Jimpurtaha mill-ġejjieni. Hu ġab eżempju bl-enerġija u kif il-Gvern Laburista qed jostor il-pjan tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin fl-enerġija minkejja li suppost għandu jippreżentah lill-Unjoni Ewropea qabel ma jidħol fis-seħħ fl-2020.
Xhieda li turi li ġew imwiegħda l-flus lil min jieqaf minn kawża kontra l-ARMS
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kkwota xhieda ta’ raġel li fetaħ kawża kontra l-kumpanija ARMS minħabba żbalji li ħadulu fil-kontijiet tal-elettriku u kif dan ġie mwiegħed il-flus biex il-kawża ma tibqax għaddejja. Fost l-oħrajn, skont ix-xhieda ta’ dak ir-raġel, hu saħansitra kien offrut flus ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Frederick Azzopardi.
//= $special ?>