Futbol Sport

Hibernians joħolqu sorpriża u jirbħu s-Super Cup

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)

BIRKIRKARA…………. 0

HIBERNIANS…………. 3

Birkirkara: J. Xuereb, A. Said, K. Parnis, S. Farrugia, S. Zarb (R. Bajada 70’), T. Teuma, A. Sultana (K. Willis 20’), R. Giusti (M. Sciberras 86’), V. Mifsud (J. Sakic 46’), Y. Vella, Y. Carabott

Hibernians: D. Grech, J. Schembri (C. Ellul 77’), D. Theuma (R. Vidak 90’), J. Flask, E. Xuereb, M. Debono (J. Dimech 90’), S. Zammit, C. Zammit, F. Chircop (L. Cefai 88’), N. Borg (R. Steer-Chetham 56’), C. Grech

Referee: Alex Johnson

Hibernians irritornaw għas-suċċess wara nuqqas ta’ sentejn meta ħasdu liċ-champions Birkirkara b’rebħa ta’ 3-0 biex rebħu is-Super Cup. Għat-tim Pawlist dan kien is-seba’ suċċess f’din il-kompetizzjoni li hu rekord. Wara l-prestazzjonijiet ta’ Birkirkara fil-UEFA Champions League fejn ukoll komplew isaħħu l-iskwadra b’akkwisti fosthom ta’ Ylenia Carabott, huma bdew favoriti li jiksbu dan l-unur.

Żewġ gowls lejn tmiem l-ewwel taqsima wittew it-triq għar-rebħa ta’ Hibernians, biż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin anqas minn xahar ieħor fl-ewwel logħba tal-kampjonat.

Ylenia Carabott mexxiet l-attakk ta’ Birkirkara fl-ewwel logħba uffiċjali f’pajjiżna mal-Istripes proprju kontra l-eks tim tagħha. Fuq in-naħa l-oħra, ż-żagħżugħa ta’ 20 sena Nicole Borg kienet l-attakkant prinċipali.

Hibernians fetħu l-iskor b’awto-gowl ta’ Ann-Marie Said wara żball tal-gowlkiper Janice Xuereb. Birkirkara wettqu reazzjoni biex iġibu d-draw immedjat, iżda kienu Hibernians li rduppjaw meta Borg għelbet in-nasba tal-offside u qassmet lejn Francesca Chircop li ma kelliex problemi tiskorja f’lasta vojta.

Birkirkara ħarġu fit-tieni taqsima jfittxu gowl li jdaħħalhom lura fil-logħba u kważi għamlu dan iżda free-kick ta’ Tracy Teuma ħabat mal-lasta. Hibernians kellhom ukoll ċans tajjeb li jagħlqu l-logħba iżda x-xutt ta’ Chircop minn tarf il-kaxxa kien salvat minn Janice Xuereb.

Tmien minuti mit-tmiem il-Pawlisti reġgħu marru viċin li jiskorjaw b’Emma Xuereb tolqot il-lasta b’xutt mid-distanza minn kontrattakk. Iżda ftit wara Xuereb skorjaw it-tielet gowl ta’ Hibernians meta qabdet id-difiża avversarja fuq sieq waħda, daret ma’ Xuereb u skorjat.

Wara l-partita, wieħed mill-Viċi Presidenti tal-MFA Ludovico Micallef u Tanya Gravina mill-BOV preżentaw it-trofew lill-captain ta’ Hibernians Dorianne Theuma.