Il-Partit Nazzjonalista iqis l-aġir tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li jerġa’ jneħħi banner, fjuri u xemgħat li jikkommemoraw lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia minn quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta bħala wieħed għalkollox żejjed. L-aġir tal-Ministru Owen Bonnici juri d-disprezz li l-Gvern Laburista għandu għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Fi stqarrija, il-PN qal illi huwa inaċċettabbli li l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Kultura juża ħaddiema tal-gvern sabiex jiċċensura u jintimida ċittadini Maltin li bi dritt qegħdin jipprotestaw b’mod paċifiku biex issir ġustizzja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’pajjiż tassew demokratiku, il-Gvern jagħmel kull sforz biex jiżgura u jipproteġi d-dritt ta’ kull ċittadin li jipprotesta b’mod paċifiku u mhux juża l-iskużi patetici li qed iġib il-Ministru.
Il-Ministru u l-Gvern li jagħmel parti minnu aħjar jużaw il-ħin tagħhom jiġġieldu l-kriminalità lampanti fit-toroq tagħna milli jaġixxu kontra min qed jipprotesta b’mod paċifiku, qal il-PN.
Fi stqarrija separata, il-grupp Occupy Justice saħaq illi “li wieħed jibgħat ħaddiema tal-gvern mid-Dipartiment tat-Tindif fit-tlieta ta’ filgħodu hija mossa tassew grotteska. Dan m’hu xejn ħlief soppressjoni ta’ l-espressjoni, tkisser tad-drittijiet demokratiċi. Dawn l-affarijiet ma jseħħux f’pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropeja.”
//= $special ?>