Lokali

Ikomplu jogħlew il-prezzijiet tal-ikel

L-inflazzjoni ta’ 1.12% fuq is-sena li għaddiet, u  li kompliet tikber minn 1% f’Lulju qed tirrifletti ż-żieda fil-prezz tal-ikel.

Skont numri li ppubblika  l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-akbar żieda fil-prezzijiet kien fil-fatt fl-ikel, b’qabża ta’ 3.25% fuq Awwissu tas-sena li għaddiet. Wara l-ikel jiġu t-trasport u l-komunikazzjoni, u spejjeż relatati ma’ affarijiet tad-dar u manutenzjoni b’żieda ta’ 2.06%.

L-istatistika turi li kien hemm żieda f’kull oġġett imniżżel fil-‘basket’ li jintuża biex titkejjel l-inflazzjoni. Dan ifisser li kien hemm żidiet fil-prezzijiet tax-xorb u s-sigaretti, il-housing, il-flus li jintefqu f’kura tas-sbuħija u s-saħħa, elettriku, ilma, gass u servizzi oħra.

L-unika oġġett li rreġistra tnaqqis kien dak tal-ħwejjeġ u ż-żraben.

L-Uffiċċju tal-Istatistika taħdem dawn il-kalkoli bbażati fuq il-prezzijiet ta’ għadd ta’ prodotti u servizzi meqjusa bażiċi, u li fuqhom tiġi maħduma wkoll il-COLA jew l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja.