Lokali

“Il-Ministru Helena Dalli jeħtieġ twieġeb”  – Claudette Buttigieg

Veru li ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika irriżenja?

Il-qtil makabru ta’ mara oħra, allegatament f’ċirkostanzi ta’ vjolenza domestika, iqajjem tħassib serju f’pajjizna u jqanqal ukoll bosta mistoqsijiet.

Dan hu r-raba’ qtil ta’ mara minn Lulju ‘l hawn.

Ħames xhur wara li l-Liġi kontra l-Vjolenza Domestika għaddiet mill-istadji kollha fil-Parlament Malti, l-Oppożizzjoni, permezz ta’ stqarrija, preżentat dawn id-domandi:
· Liema għodod marbutin mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul bdew jidħlu fis-seħħ kif titlob l-istess liġi?
· Fejn hu l-pjan strateġiku tal-Gvern f’dan il-qasam?
· X’budget u x’riżorsi qed jiddedika l-Kunsill Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għal dan is-settur?
· Veru li, fil-fatt, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika rriżenja?
· Min hemm minfloku?

Il-Ministru Helena Dalli għandha twieġeb dawn il-mistoqsijiet u terfa’ r-responsabbiltà tan-nuqqasijiet kbar f’dan il-qasam. Il-Ministru Dalli għandha tagħmel dan illum qabel għada.

Meta tgħaddi liġi biex tirbaħ punti fil-klassifika tal-ugwaljanza internazzjonali, imma mbagħad ma twettaqhiex bis-serjetà, mhux biss tkun qed tidħaq bil-poplu imma tkun ta’ disservizz għall-vittmi tal-vjolenza domestika nfushom.

Claudette Buttigieg, Kelliema għad-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin għamlet dawn ir-rimarki permezz ta’ din l-istqarrija li nħarġet fid-dawl tad-delitt li seħħ fi tmiem il-ġimgha fejn pajjiżna ra vittma oħra titlef hajjitha f’każ ta’ vjolenza domestika.