Bejn illum u għada, delegazzjoni tal-Parlament Ewropew se tkun f’Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt, l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, b’mod partikolari wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Matul is-siegħat li għandhom f’Malta, l-MEPs minn gruppi politiċi differenti mistenni jkollhom diversi laqgħat ma’ membri tal-Gvern, tal-Korp tal-Pulizija, membri tal-ġudikatura, ġurnalisti kif ukoll NGOs. B’mod speċifiku, l-MEPs għandhom ikollhom laqgħat mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, ma’ rappreżentanti tal-FIAU, ma’ ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, ma’ attivisti, u mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fost l-oħrajn.
L-MEPs talbu biex ikollhom laqgħat ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi, iżda ż-żewġ laqgħat mhux se jsiru. Dan peress li l-Prim Ministru Muscat jinsab barra minn Malta, waqt li l-Ministru Mizzi qal li “m’għandux ħin” biex jiltaqa’ mal-Membri tal-Parlament Ewropew.
Id-delegazzjoni hi mmexxija mill-MEP Liberali Sophie in ‘t Veld, waqt li l-membri l-oħra huma l-MEP Maltija Roberta Metsola f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-MEP Soċjalist Josef Weidenholzer, l-MEP tal-Konservattivi Monica Macovei, u l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold.
Dan il-grupp ta’ ħidma twaqqaf f’Mejju li għadda, u għandu r-rwol speċifiku li jinvestiga s-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’Malta u fis-Slovakkja. Filfatt, eżatt qabel ġew Malta, l-istess MEPs kellhom żjara ta’ jumejn simili fis-Slovakkja. Dan wara l-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu.
Fi tmiem iż-żjara f’Malta, għada fis-1:30pm, mistennija tiġi indirizzata konferenza tal-aħbarijiet.
//= $special ?>X’inhuma d-differenzi bejn Malta u s-Slovakkja? Ara x’qalu l-MEPs tal-PN fi Strasburgu