Is-suq tal kiri f’pajjiżna kien it-tema ta’ Business Breakfast li sar dalgħodu f’lukanda ewlenija f’Ħ’Attard. Is-seminar kien iġib it-titlu “Malta’s Rental Market: A bubble set to burst”?
Fis-seminar intqal kif is-suq lokali inbidel tul is-snin u kif dan inbidel iktar drastikament tul l-aħħar ħmistax-il sena biż-żieda sostanzjali ta’ ħaddiema barranin li jkollhom bżonn akkomodazzjoni residenzjali.
Bidliet oħra kienu fil-firxa tas-suq. Hekk kif fis-snin mgħoddija s-suq tal-kiri kien fil-biċċa l-kbira tiegħu limitat għal ċertu lokalitajiet, illum il-ġurnata, dan infirex għal ferm iktar zoni inkluż fin-nofsinhar tal-pajjiż. Dan ġara anke bi żviluppi bħal Smart City u Sky Parks.
Ġie diskuss kif tjieb ukoll il-livell tal-propjetajiet li qed jinkrew, bi ppjanar iktar iddettaljat, finishes ta’ livell għoli, u għamara ta’ kwalita’. Skont statistika li wera Denis Camilleri appartament bi tlett kmamar tas-sodda li fl-2010 kien jinkera €500 illum jinkera €1450. Bejn l-2012 u l-2016 iż-żieda medja fil-prezzijiet tal-kiri kienet ta’ 28.6%.
Il-kelliema qalu li ż-żieda fil-prezzijiet jirriflettu wkoll l-investiment li jkun sar mis-sidien biex ilestu u jattrezzaw il-propjeta.
Huma kollha saħqu dwar il-problemi li qed jinħolqu għal dawk li għandhom dħul baxx jew medju u li jikru r-residenza tagħhom.
Sandro Chetcuti, Chairman tal-Property Malta Foundation, qal li l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi diġa għamlet il-proposti tagħha lill-gvern biex tinħoloq soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni. Fost l-oħrajn l-assoċċjazzjoni pproponiet Private Public Partnership bejn il-Gvern u fondazzjoni li tiġi mwqqfa għal dan il-għan u li flimkien ikunu jistgħu jiżviluppaw appartamenti li jkunu jistgħu jinkrew bi prezzijiet aktar aċċessibbli.
Tul il-Business Breakfast deher li kien hemm konsensus li s-suq tal-kiri jinsab stabbli u ma jidhirx li fiż-żmien li ġej se tinfaqa l-bużżieqa ta’ dan is-suq.
Fil-Konklużżjoni tagħha il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Proġetti Kapitali, Ippjanar u Suq tal-Propjeta’, Marthese Portelli qalet li s-suq tal-kiri miexi ‘l quddiem u li minnu qed jibbenefikaw mhux biss l-iżviluppaturi u l-aġenti tal-propjeta’ iżda anke l-familji Maltin li nvestew f’dan il-qasam. Hi qalet li ma jridux pero’ jintesew dawk l-iktar vulnerabbli u li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kiri tal-lum.
Hi qalet li jrid isir ippjanar sew biex is-suq jibqa’ sod u biex ħadd ma jbati. Fost affarijiet oħra, hi saqsiet jekk wasalx iż-żmien biex ikun hawn reġistru tal-kiri u inċentivi ta’ taxxa għal min jikri long lets. Dan sabiex ikun hawn serħan tal-moħħ għal kulħadd.
//= $special ?>