“Għandna nieqfu nassumu li kull vittma ma fittxietx għajnuna mingħand l-awtoritajiet. Ħafna jfittxu l-protezzjoni u l-ġustizzja mingħajr suċċess. Hu inaċċettabbli li għad għandna ħafna nisa li ta’ kuljum qed ikollhom jgħixu f’ambjent vjolenti fi djarhom.”
Sostnew dan 36 organizzazzjoni mhux governattiva fi stqarrija konġunta fid-dawl tal-aħħar omiċidju ta’ mara, allegatament mis-sieħeb tagħha li seħħ fi sfond ta’ vjolenza domestika. Huma qalu li mill-bidu ta’ dan is-seklu, 3 minn kull 4 nisa li nqatlu f’Malta inqatlu mir-raġel jew is-sieħeb, l-eks raġel jew eks sieħeb jew qarib tal-familja.
“Li tgħix ħajja mingħajr il-biża’ ta’ vjolenza hu Dritt Fondamentali u l-iStat hu fid-dmir li jassigura li dan id-Dritt ma jinkisirx,” tennew l-għaqdiet.
Huma qalu li l-iStat għandu jiżgura li:
- Li l-vjolenza domestika ma’ jibqax reat privat iżda reat kontra l-ordni pubbliku.
- L-iStat jonora l-obbligi tiegħu li b’mod attiv, jiżgura li nisa u tfajliet ikunu mħarsa mill-vjolenza.
- Il-forzi tal-ordni, b’mod partikolari il-pulizija stazzjonati fl-għases ikollhom taħriġ meħtieġ biex jidentifikaw każi ta’ vjolenza domestika u l-proċeduri biex jiżguraw is-sigurta’ tal-vittmi u l-familji tagħhom.
- Id-dipartiment u l-aġenziji tal-Gvern jaħdmu b’mod ko-ordinat sabiex il-vittmi jkunu mħarsa u l-persuni responsabbli jiffaċċjaw il-ġustizzja.
- Il-Qrati għandhom jiżguraw li l-każi ta’ vjolenza domestika jibqgħu jiġu segwiti sal-aħħar u dawk responsabbli jħallsu ta’ għemilhom, anki jekk il-vittmi jkollhom pressjoni biex ma jixhdux kontra min wettaq il-vjolenza fuqhom.
- Pulizija li jmorru fuq il-post għandu jkollhom tagħmir meħtieġ bħal body cameras sabiex tkun tista’ tinġabar iktar evidenza.
- Rieda politika – inkluż baġit dedikat – sabiex jitwaqqaf unit li jiffoka esklussivament fuq każi ta’ vjolenza.
//= $special ?>