Manchester City sfaw megħluba minn Olympique Lyon 2-1 f’dik li kienet l-akbar sorpriża tal-bieraħ fl-erba’ gruppi tal-UEFA Champions League. Iċ-champions Ingliżi huma l-favoriti netti li jirbħu l-grupp tagħhom u ftit kienu mistennija li jitilfu f’darhom.
It-tim Franċiż fetaħ l-iskor fis-26 minuta meta Nabil Fekir krossja mix-xellug, b’Fabian Delph jolqot ħażin bil-ballun jispiċċa għand MAXWELL CORNET li għeleb lil Ederson b’xutt fil-baxx. NABIL FEKIR irdoppja l-iskor fit-43 minuta meta rkupra ballun f’nofs il-grawnd, avvanza u b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lill-gowlkiper avversarju.
It-tim ta’ Guardiola naqqas id-distakk fis-67 minuta meta Leroy Sane sab lil Bernardo Silva bi kross fil-baxx mix-xellug, bil-Portugiż jiskorja b’konklużjoni mill-ewwel għar-rokna. Huma pruvaw isalvaw il-logħba iżda ma rnexxielhomx jagħmlu dan.
Juventus kisbu rebħa importanti hekk kif għelbu lil Valencia 2-0 f’Estadio Mestalla, logħba li ma kinitx nieqsa mill-kontroversja. It-tim Taljan safa jilgħab b’għaxar plejers fid-29 minuta meta r-referee Felix Brych wera l-karta l-ħamra lil Cristiano Ronaldo wara konsultazzjoni mar-referee addizjonali għal kuntatt ma’ Jeison Murillo. Il-filmati tal-azzjoni urew li l-karta l-ħamra probabbli kienet eċċessiva.
Minkejja l-inferjorità numerika, Juventus fetħu l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima meta ngħataw penalty wara li Dani Parejo għolla siequ fil-kaxxa b’mod perikoluż fuq Joao Cancelo. Inkariga ruħu MIRALEM PJANIC li għeleb lil Neto b’konklużjoni fil-baxx.
Juventus ingħataw it-tieni penalty tal-logħba fil-51 minuta għal fawl fuq Leonardo Bonucci, b’MIRALEM PAJNIC jerġa’ jinkariga ruħu u għeleb lil Neto b’penalty fl-istess post. Il-logħba kellha t-tielet penalty lejn it-tmiem meta r-referee Ġermaniż saffar penalty favur Valencia għal daqqa ta’ minkeb tas-sostitut Daniele Rugani. Iżda l-gowlkiper Szczesny salva x-xutt ta’ Parejo.
Mill-istess grupp, rebħa tajba għal Manchester United li barra minn darhom għelbu lil Young Boys 3-0. Ir-Red Devils fetħu l-iskor fil-35 minuta b’xutt ta’ PAUL POGBA bix-xellug li għeleb lil David von Ballmoos.
L-istess PAUL POGBA rdoppja l-iskor minn penalty wara li l-ballun ġie ġġudikat li ħabat ma’ Kevin Mbabu. ANTHONY MARTIAL għalaq il-logħba bit-tielet gowl fis-66 minuta wara li rċieva mingħand Pogba u skorja b’xutt fil-baxx li kien imxellef.
Iċ-champions Ewropej Real Madrid għelbu lil Roma wkoll 3-0 fi Stadio Bernabeu. ISCO fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima bi ġmiel ta’ free-kick, u GARETH BALE rdoppja fit-58 minuta b’xutt djagonali fil-baxx wara kontrattakk. MARIANO DIAZ ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta bi ġmiel ta’ gowl minn tarf il-kaxxa.
Riżultati
Grupp E
Ajax v AEK Athens 3-0
Benfica v Bayern Munich 0-2
Grupp F
Shaktar Donetsk v Hoffenheim 2-2
Manchester City v O.Lyon 1-2
Grupp G
Real Madrid v Roma 3-0
Viktoria Plzen v CSKA Moscow 2-2
Grupp H
Valencia v Juventus 0-2
Young Boys v Manchester United 0-3
//= $special ?>