Futbol Sport

Michele Paolucci jirbaħ il-Plejer tax-Xahar ta’ Awwissu

Michele Paolucci ta’ Tarxien Rainbows rebaħ l-ewwel unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Awwissu. Wara li ngħaqad mar-Rainbows minn ma’ Floriana matul is-suq tat-trasferimenti tas-sajf, il-plejer Taljan ta’ 32 sena ħalla impressjoni tajba immedjatament mal-klabb il-ġdid.

L-attakkant kien involut fl-ewwel gowl li Tarxien skorjaw fit-telfa ta’ 4-1 kontra Gżira United fejn qassam lil Matthew Spiteri biex ġie skorjat il-gowl.

Hu skorja fit-tieni logħba tiegħu, b’Tarxien jegħlbu lil St. Andrews 5-1. Hu serva lil Daren Falzon u Gabriel Aquilina biex it-Tarxiniżi skorjaw l-ewwel żewġ gowls fil-logħba, filwaqt li skorja t-tielet gowl biex qabeż lid-difensur avversarju u għeleb b’xutt b’saħħtu lil Matthew Calleja Cremona.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing tal-BOV Charles Azzopardi, ppreżenta lil Paolucci bit-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar b’disinn ġdid għal dan l-istaġun. Paolucci għażel lid-Dar ta’ Santa Rita f’Ħal Tarxien biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.