Brian Tonna u Karl Cini, iż-żewġ uffiċċjali ta’ Nexia BT involuti fl-iskandlu ta’ Panama Papers talbu lill-Kummissjoni tal-Protezzjoni tad-Data sabiex post fuq il-blog tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kienet inqatlet f’Ottubru tas-sena li għaddiet, titneħħa.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista, wieġeb li l-ilment ta’ Tonna u Cini hu bbażat fuq liġi li daħlet fis-seħħ f’Mejju li għadda, iktar minn sena wara l-pubblikazzjoni tal-post li dwarha sar l-ilment.
Barraminhekk, kompla Caruana Galizia, il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ta struzzjonijiet sabiex il-kontenut tas-sit daphnecaruanagalizia.com jibqa’ preservat kif inhu għaliex hu meqjus bħala parti mill-atti tal-inkjesta.
Il-persuni msemmija fil-blog, inkluż Brian Tonna u Karl Cini, huma persuni ta’ interess fl-investigazzjoni u jekk it-talba biex jitneħħa xi kontenut jintlaqa’, dan ikun ifisser disprezz lejn il-Qorti, sostna l-Avukat Caruana Galizia.
Il-post li tinsab fiċ-ċentru tal-ilment ta’ Tonna u Cini titkellem dwar kif Brian Tonna u Karl Cini fetħu kumpaniji fil-Panama u l-British Virgin Islands sabiex jipproċessaw id-dħul tal-klikka f’Kastilja mit-tixħim li ġej mill-bejgħ tal-passaporti.
//= $special ?>