It-tkeċċija kontroversjali tal-attakkant ta’ Juventus, Cristiano Ronaldo, waqt il-logħba taċ-Champions League kontra Valencia tinsab fuq fomm id-dilettanti kollha tal-futbol. Dan meta fl-aħħar sigħat ma naqsux ir-reazzjonijiet ta’ rabja mill-plejers kollegi tal-istilla Portugiz, kif ukoll mingħand oħtu stess, li, saħansitra, irreferiet għal elementi li ‘qegħdin jippruvaw jagħmlu ħsara kbira lil ħuha.’
L-ewwel logħba ta’ Juventus fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni H taċ-Champions League fin-Nou Mestalla kienet għadha mingħajr gowls sa nofs l-ewwel taqsima meta Ronaldo kellu konfront mad-difensur ta’ Valencia, Jeison Murillo, waqt li l-plejers kienu f’tarf il-kaxxa u ftit wara li kien sfuma attakk mit-tim Taljan.
Ronaldo deher qed javviċina lil Murillo ( li kien mal-art) bir-rabja u f’ħin minnhom messlu xagħru – bir-referi Ġermaniż, Felix Brych, jikkonsulta mal-ħames uffiċjal tiegħu qabel wera l-karta ħamra lil Ronaldo. Il-Portugiż, min-naħa tiegħu, ma setax iniżżel id-deċiżjoni u dam jipprotesta għal diversi minuti qabel ħareġ mill-grawnd imbikkem.
Minkejja l-iżvantaġġ numeriku, Juventus għelbu xorta lil Valencia 2-0 ( biż-żewg gowls jaslu minn penalties) u wara, il-midfielder Ġermaniż taċ-Champions Taljani, Emre Can, ma żammx lura milli jesprimi l-għadab tiegħu, fost il-gelgul ta’ kummenti u reazzjonijiet mill-analisti tal-logħba.
Can – wara li ra diversi replays tal-azzjonijiet li wasslu għat-tkeċċija — ċaħad ċar u tond li d-deċizjoni ta’ Brych li juri l-ħamra lil Ronaldo setgħet kienet waħda korretta.
‘Hemm min qed jgħid li Ronald tkeċċa għaliex ġibed xagħar il-plejer avversarju u hawnhekk nixtieq intenni li aħna ma aħniex nisa u li qed nilgħabu l-futbol,’ sostna Can. Hu kompla li ‘jekk plejer jista’ jaqla’ karta ħamra għal daqshekk allura kull plejer jista’ jitkeċċa għal kwalunkwe fawl u l-każ ta’ Ronaldo zgur ma kienx jimmeritah tkeċċija.’
Daħlet ukoll fil-kontroversja Katia Aveiro, oħt Ronaldo, li fissret it-tkeċċija ta’ ħuha bħala ‘xi ħaġa tal-mistħija’. Hi bagħtet messaġġ fuq Instagram fejn insistiet li ‘il-ġustizzja trid issir u li hemm xi nies ( fil-logħba tal-futbol) li jridu jeqirdu lil ħuha’. Il-messaġġ ta’ Aveiro jintemm bit-twissija li, f’dan il-każ, ‘id-dnub ma jorqodx’.
Fil-każ li l-awtoritá dixxiplinarja tal-UEFA ma tirtirax id-deċiżjoni ta’ Brych, Ronaldo irid jiskonta, almenu, sospensjoni awtomatika ta’ logħba. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li l-UEFA mhix se tippermetti li Juventus jappellaw mit-tkeċċija ta’ Ronaldo u għaldaqstant qed jidher ċert li l-Portugiż se jitlef l-impenn ta’ Juventus (fi Grupp H) kontra t-tim Żvizzeru ta’ Young Boys li jintlagħab fit-2 ta’Ottubru.
Fl-istess ħin – u dejjem jekk il-panel dixxiplinarju tal-UEFA jiddeċiedi biex iżidlu s-sospensjoni – Ronaldo jista’ ukoll jitlef il-logħba ta’ kwalifikazzjoni ma’ Manchester United f’Old Trafford li hi skedata għat-23 ta’Ottubru.
Din kienet l-ewwel darba li Ronaldo tkeċċa f’logħba taċ-Champions League meta hu rebaħ dan it-tournament ħames darbiet– u għal dawn l-aħħar tliet snin bħala plejer ta’ Real Madrid. Ronaldo hu wkoll ir-record scorer taċ-Champions League b’120 gowl.
//= $special ?>