Lokali

Il-PA tapprova l-proġett propost għall-fuq l-art tal-ITS

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjannar approva l-proġett propost għas-sit fejn sa ftit ilu kien l-ITS f’Pembroke. Il-vot ġie b’dan il-mod, 10 voti favur u  4 kontra, bir-rappreżentata tal-Partit Nazzjonalista, Marthese Portelli tivvota kontra. Ivvutaw kontra wkoll iċ-Chairperson Vince Cassar, Rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali u anke s-Sindku Laburista ta’ Pembroke.

Dan ir-riżultat ġab sens ta’ protesta qawwija minn dawk preżenti li wrew id-dispjaċir tagħhom għal mod kif ir-residenti qed jiġu stmati.

Il-proġett se jkun jinkludi torri ta’ 38 sular li fih se jkun hemm ammont ta’ appartamenti residenzjali, lukandi, kumpless ta’ ħwienet kif ukoll spazji miftuħa.

Dan il-proġett kien f’nofs bosta kritika b’mod partikolari mir-residenti tal-inħawi, mill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, Swieqi u San Ġiljan kif ukoll minn għaqdiet non-governattivi li jaħdmu favur l-ambjent.

Bosta miżuri tas-sigurta’ ikkaretterizzaw il-bidu ta’ din il-laqgħa.  Sa minn filgħodu kmieni bdew jinġabru nies  biex jattendu għal din il-laqgħa. B’kollox kienu madwar 4,000 persuna li għamlu l-oġġezzjoni tagħhom għal dan il-proġett.

Fil-post hemm preżenza qawwija ta’ Pulizija u dawk li ma rreġistrawx għal din il-laqgħa mhux qed jitħallew jidħlu.

li kompliet bi preżentazzjonijiet mill-periti li spjegaw mhux biss il-proġett iżda ukoll x’qed ikun propost bħala miżura biex ikun kontrollat it-traffiku li mistenni jiżdied minħabba dan il-proġett. Il-periti semmew il-proposta ta’ mina taħt l-art bil-għan li jitnaqqas it-traffiku.

Kienu ppreżentati ukoll rapporti marbuta mal-impatt ambjentali u dak soċjali, u ssemma li se jkun qed jitwaqqaf neighbourhood hub biex kull min hu interessat ikun jista’ jingħata l-informazzjoni kollha neċessarja waqt il-fażi tal-iżvilupp.

Wara dawn il-preżentazzjonijiet kien imiss imbagħad l-pubbliku biex iressaq il-proposti u l-oġġezzjonijiet tiegħu fejn issemma ħafna drabi n-nuqqas ta’ Master Plan għaż-żona ta’ Paceville. Kienu bosta l-kelliema li sostnew li d-drittijiet tar-residenti ma ġewx imħarsa u li ħadd mhu qed isemmi l-aktar minn erbat elef oġġezzjoni li kien hemm għal dan il-proġett.

Fost dawn kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li emfasizza kemm f’dan il-proġett ir-residenti ġew minsija għal kollox. Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej Michael Briguglio kritika l-fatt li l-istudju dwar l-impatt soċjali ma sarx minn soċjologu, u ma ngħataw l-ebda dettalji dwar x’intqal mill-parteċipanti ta’ dan l-istudju.

Anke l-fattur tal-mina qajjem bosta kontroversja peress li sa issa Transport Malta għadha ma kkommettietx ruħha dwar dan il-proġett. Kien hawnhekk li saret il-mistoqsija dwar x’ser jiġri jekk il-mina ma ssirx, u jekk hemmx soluzzjonijiet alternattivi.

Kien f’dan il-ħin li nqrat letter of commitment mill-Gvern li fiha, f’sentenza waħda, ingħad li l-gvern se jkun responsabbli mix-xogħol infrastrutturali, mingħajr ma ssemmiet bl-ebda mod il-mina.

Tkellem ukoll is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili li sostna li l-Kunsill huwa kontra dan il-proġett peress li mhux qed jagħti kas biżżejjed il-bżonnijiet tar-residenti. Is-sindku ta’ Swieqi Noel Muscat għamel il-punti tiegħu dwar l-impatt li dan il-proġett se jħalli fiz-zona tal-madwar b’mod partikolari fuq it-triq Reġjonali. Intervent ieħor sar mill-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg li wkoll tkellem dwar l-impatt negattiv li dan il-proġett se jħalli fuq il-lokalita ta’ San Ġiljan.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista fuq il-bord tal-MEPA d-Deputat Marthese Portelli qalet li n-nuqqas ta’ Master Plan qed iwassal biex qed takkumula l-inċertezza fost il-poplu Malti. Semmiet ukoll in-nuqqas ta’ dettal fil-letter of commitment li ntbagħtet mill-gvern u li ma tispjega xejn dwar x’se jiġri biex ikun immaniġjat it-traffiku.

Ic-Chairperson tal-Bord Vince Cassar ikkritika l-mod kif inhu pjanat il-parkeġġ u qal li minkejja li żdiedu l-ispazji ta’ parkeġġ, dan se jagħti lok għal aktar żieda fit-traffiku. Semma li mhi vijabbli xejn ir-raġuni li ingħatat li dan il-parkeġġ se joffri alternattiva għal parkeġġ f’Paceville.

Il-votazzjoni għaddiet b’10 voti favur u 4 kontra bic-Chairman tal-Bord, id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, s-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili u Annick Bonello, rappreżentanta tal-għaqdiet ambjentalisti, jivvutaw kontra dan il-proġett.