Lokali

“Il-PN irid jerġa’ jiżra’ t-tama fil-pajjiż” – Clyde Puli

Il-Partit Nazzjonalista jiċċelebra l-54 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza

Pajjiżna qed isejħilna biex nerġgħu nkunu l-Partit li jiżra’ t-tama għax il-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm fil-mumenti kruċjali ta’ Malta u Għawdex kollha. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista hu l-Partit li bena lil pajjiżna.

Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fl-intervent tiegħu waqt il-mass meeting, li nżamm fuq il-Fosos tal-Furjana biex jintlaħaq il-qofol tal-attivitajiet organizzati fl-54 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.

Clyde Puli fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, tant li dak li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-passat, illum qed jiftaħar bih min dejjem kien kontrina.

Meta l-Partit Nazzjonalista kien ta l-Indipendenza lil pajjiżna, ħaddieħor ried l-Integration, filwaqt li meta l-Partit Nazzjonalista tana l-Ewropa, ħaddieħor ried il-Partnership. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista fetaħ is-suq meta ħaddieħor riedna nibqgħu biss bil-prodotti lokali.

Clyde Puli qal li llum, ħaddieħor qed jaqta’ ż-żigarelli ta’ proġetti li saru frott il-fondi li Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor ġab mill-Unjoni Ewropea. Ħaddieħor jista’ jiftaħar bil-qtugħ taż-żigarelli, iżda dan kollu sar bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk, staqsa jekk illum għandna ekonomija tajba, min kien li ħawwel biex illum qed naqtgħu l-frott.

Filwaqt li fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem ħoloq viżjoni u mexa b’valuri tajbin, innota kif min illum qed jilbes l-ingravata blu biex jipprova jidher Nazzjonalist, fil-verità hu falz.

Min-naħa l-oħra, widdeb li hu nuqqas tagħna li għad hemm min mhux jifhem għax fil-verità, hu l-obbligu tagħna li nispjegaw. Sostna li aħna Nazzjonalisti għax kburin b’pajjiżna, għax nemmnu f’Nazzjon wieħed għall-ħafna u għax nemmnu fil-valur tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Min-naħa l-oħra, hemm min qed jagħżel li jbigħ iċ-Ċittadinanza tagħna jew l-Isptarijiet, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ f’Soċjetà li Jimpurtaha u mhux f’pajjiż bla ruħ.

Pajjiżna qed isejħilna, tenna s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, biex noffrulu pjan serju u fit-tul. Hu għalhekk li mill-Oppożizzjoni, għax hu żmien ta’ tiġdid, il-Partit Nazzjonalista qed iħares l-ewwel lejh innifsu biex jipprepara pjan serju u fit-tul. U għalkemm ir-riżultati jridu l-ħin, fl-aħħar mill-aħħar se jinħass il-frott tal-ħidma li tkun saret.

Clyde Puli fakkar fil-ħidma li saret fl-aħħar sena, kemm ilu li Adrian Delia nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, fost l-oħrajn b’tiġdid fil-media tal-Partit u anke fl-AŻAD, biex il-Partit ikompli jaħseb fit-tul u fil-fond. F’dawn ix-xhur, ingħaqdu 1,700 tesserat ġdid fil-Partit, li jfisser rekord fl-aħħar 13-il sena.

Dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali, li se jinżammu f’Mejju li ġej, Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista diġà beda sew it-triq ta’ preparazzjoni, fost l-oħrajn billi diġà approva seba’ Kandidati għall-Parlament Ewropew u 200 Kandidat għall-Kunsilli Lokali.

Fuq kollox, il-Partit għaddej ukoll minn ritmu qawwi ta’ tiġdid għax irid li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir Partit Żagħżugħ. Għal dan il-għan, tniżżlet l-età tat-tesserament, filwaqt li żdied sehem iż-żgħażagħ fil-Kumitat Eżekuttiv għax it-tmexxija tal-Partit trid li ż-żgħażagħ jipparteċipaw aktar.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit hu magħmul mill-ideali, mill-attivisti u mill-partitarji tiegħu, filwaqt li tenna kemm il-Partit Nazzjonalista hu kburi bil-passat tiegħu, partikolarment bil-kisbiet tal-Indipendenza u b’sehemu fis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll bil-mod kif ġab ix-Xogħol, il-Ġustizzja u l-Libertà.

Issa, anke llum, il-Partit Nazzjonalista jrid jippreżenta l-viżjoni tiegħu – mhux biss ta’ Soċjetà li Jimpurtaha, iżda wkoll ta’ Partit li Jimpurtah. Bħala eżempju għall-mod kif qed ngħixu llum, tenna li mhux aċċettabbli f’demokrazija li wieħed imur ineħħi l-fjuri minn fuq monument spontanju tan-nies, maħluq apposta għal ġurnalista li nqatlet bl-aktar mod kodard.

Ejja nibqgħu niftaħru b’dak li ksibna għall-pajjiż, tenna Clyde Puli, għax tal-Partit Laburista qed jippruvaw jiżirgħu l-firda biex jgħattu l-iskandli u d-deċiżjonijiet il-ħżiena tagħhom. Iżda l-iżbalji kollha li l-Gvern qed jipprova jaħbi, qed jitkellem dwarhom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li qed jitkellem ta’ kuljum man-nies.

Bħall-Kapijiet Nazzjonalisti ta’ qablu, Adrian Delia qed ikompli bil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-pajjiż. Dan hekk kif il-Partit hu magħmul minn kulħadd – mhux Konservattivi jew Liberali, iżda Maltin u Għawdxin li jħobbu lil pajjiżhom.

Għalhekk, se nippersisti għax aħna għadna nemmnu fis-Sewwa. Għalhekk, mhux se naqtgħu qalbna għax aħna nħobbu lil pajjiżna. Bil-viżjoni ta’ Adrian Delia, kapaċi naslu u konvint li intom ilkoll taħsbu bħalna, temm jgħid Clyde Puli.