Internazzjonali

Jerġa’ jfaqqa’ l-ġlied fil-Libja

Jidher li ma żammx il-waqfien mill-ġlied fi Tripli hekk kif tard it-Tlieta reġa’ sploda l-ġlied bejn gruppi avversarji ta’ gruppi armati fin-Nofsinhar tal-kapitali Libjana. Il-ftehim kien innegozjat min-Nazzjonijiet Uniti ġimagħtejn ilu wara ġlied qalil madwar il-kapitali Libjana, li kien ħalla aktar minn 60 persuna mejta.

Il-ġlied kien ikkonċentrat l-aktar tul it-triq li twassal lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli. Ajruport li m’għadux jintuża minħabba l-ġlied li kien hemm snin ilu u l-ħsara kbira li dan ikkawżat. Il-ġlied kien wassal ukoll biex jingħalaq l-ajruport ta’ Mitiga li kien qed iservi bħala l-ajruport għal Tripli u jinsab f’eks bażi militari.

Il-ġlied li nqala’ wassal biex issir ħsara lill-provista tal-elettriku u diversi bnadi kienu mingħajr provista. Il-ġlied wassal ukoll biex ħafna studenti għall-eżami tal-iskola sekondarja ma jkunux jistgħu jmorru jagħmluh. Dan hekk kif suppost f’Diċembru għandha ssir elezzjoni Parlamentari u Presi-denzjali fil-Libja, imma hemm xettiċiżmu fost ħafna li dan il-vot jista’ jsir.