Edukazzjoni Lokali Transport

Konferma li s’issa, mhux kulħadd għandu trasport b’xejn għat-tfal

Il-Ministru jkollu jammetti li bil-mossa tiegħu se jiżdiedu l-vetturi fit-toroq

Il-Ministru Evarist Bartolo għadu qed iħabbel rasu kif se jsib il-vannijiet għat-tfal tal-iskola hekk kif illum ħarġet il-konferma iswed fuq l-abjad illi hemm kważi 1,000 tifel u tifla li għadhom bla trasport. Dan meta sa ftit tal-jiem ilu kien ħareġ jiftaħar li se jipprovdi trasport b’xejn għal kulħadd.

Evidentament, il-Gvern ma kellu l-ebda pjan dwar kif se jimplimenta din il-proposta – idea li fuq kollox kienet intiża sabiex jitnaqqas it-traffiku. U anke hawn il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa falza stikka. Tant hu hekk, li l-istqarrija li ħarġet illum tispeċifika b’mod ċar illi l-mossa ta’ Evarist Bartolo se tfisser “żieda ta’ vetturi”.

Jidher illi din is-sena se jinġarru mal-1,500 student aktar mit-12,500 tifel u tifla li nġarru s-sena li għaddiet.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal illi għadu għaddej f’kuntatt mal-operaturi tat-trasport biex kemm jista’ jkun jinqdew ġenituri, inklużi ġenituri li kienu jinqdew b’operaturi li din is-sena ddeċidew li numru ta’ rotot ma jibqgħux jaħdmuhom iktar.

Sa issa hemm 57 operatur tat-trasport reġistrati u approvati fl-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti.