Lokali Qorti

L-omm għandha proċeduri dwar pussess ta’ droga

Liam Debono
Mhux magħruf għaliex l-istazzjon One TV ħass li kellu jagħti daqstant importanza lil din il-persuna mingħajr ma għamel l-investigazzjonijiet mistennija dwar dak li ngħadlu

Fil-jiem li għaddew kompliet titħabbel l-istorja taż-żagħżugħ Liam Debono li f’Mejju li għadda kien akkużat fil-Qorti li tajjar lill-Pulizija Simon Schembri u li kważi kkawżalu l-mewt tiegħu.

Fil-Qorti, minn dak li ħareġ sa issa, irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur Malcolm Bondin li f’waħda mill-interrogazzjonijiet, iż-żagħżugħ Liam Debono stess stqarr miegħu li kienet ommu li sa minn meta kellu disa’ snin kienet tagħtih id-droga kannabis biex joqgħod kwiet u jkun jista’ jorqod.

Fid-dawl ta’ din ix-xhieda xokkanti fil-Qorti, jirriżulta li omm iż-żagħżugħ – Charlotte Zammit – tkellmet ma’ One News u f’intervista esklussiva stqarret li mhux minnu li hi kienet tagħti d-droga lil binha. Żiedet tesponi wkoll lil binha li jbati minn ċerti kundizzjonijiet biex tiddefendi lilha nnifisha minn dak kollu li ngħad dwarha fil-Qorti. Sadanittant din il-gazzetta stabbiliet li din il-persuna fl-2016 kienet instabet ħatja ta’ pussess ta’ eroina.

Jirriżulta li fit-2 ta’ Diċembru tal-2016 Charlotte Zammit kienet instabet ħatja ta’ pussess ta’ eroina quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Lil hinn minn dak il-każ ta’ pussess ta’ droga, jirriżulta wkoll li attwalment l-istess Charlette Zammit għaddejja proċeduri pendenti kriminali oħra quddiem l-istess Maġistrat fir-rigward ta’ pussess ieħor ta’ droga. Minn aktar stħarriġ li għamlet din il-gazzetta jirriżulta wkoll li Charlotte Zammit kienet kundannata fuq rapport falz, li gidbet u li akkużat b’mod falz lil terza persuna li fil-preżent jinsab il-ħabs. Dwar dan ir-reat hi weħlet tliet snin probation.

Mhux magħruf għaliex l-istazzjon One TV ħass li kellu jagħti daqstant importanza lil din il-persuna mingħajr ma għamel l-investigazzjonijiet mistennija dwar dak li ngħadlu. Liam Debono għadu qed jiffaċċja akkużi serji li f’Mejju li għadda tajjar lill-kuntistabbli tal-Pulizija Simon Schembri u kaxkru bil-karozza li kien qed isuq għal diversi metri u b’riżultat ta’ hekk Schembri kien f’periklu li jitlef ħajtu u sofra diżabbiltà permanenti.