Delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari temmew żjara ta’ jumenjn f’pajjiżna fejn kellhom sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi persuni u gruppi sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt f’Malta.
L-istess delegazzjoni ltaqgħet mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, ma’ attivisti, mal-Kummissarju tal-Pulizija, mal-ġudikaturi kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-MEP Liberali Sophie in ‘t Veld, l-MEP Maltija Roberta Metsola f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-MEP Soċjalist Josef Weidenholzer u l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold, saħqu li għandha tieqaf din il-mibegħda kollha lejn il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-qtil tal-ġurnalita ma kienx biss qtil politiku iżda wkoll qtil li affettwa familja sħiħa. Għandu jiġi kundannat kull tip ta’ kliem dispreġjattiv lejn il-familja tagħha. Huma sostnew li l-libelli kollha li hemm fil-qorti fil-konfront ta’ Caruana Galizia għandhom jitwaqqfu minnufih.
Dwar il-mafkar ta’ Daphne fil-Belt Valletta, l-MEP’s saħqu li kulħadd għandu d-dritt li jesprimi l-emozzjoniijet tiegħu u għalhekkk il-Gvern għandu jiddeċiedi minnifuh dwar soluzzjoni għal dan il-mafkar.
Waqt il-laqgħa tagħhom mal-Pulizija huma enfasizzaw li l-investigazzjoni ta’ dan il-qtil għandha tiġi konkluża kemm jista’ jkun malajr. Il-fatt li kien hemm bdil fil-Maġistrat li qed jisma l-kawża tal-qtil ta’ Caruana Galizia, jitqajmu ċerti mistoqsijiet fuq din l-investigazzjoni. Fid-dawl ta’ dan huma saħqu li m’għandux ikun hemm ostakli burokratiċi. Dan il-qtil kellu effett kbir fuq is-soċjetà tagħna u għalhekk hemm bżonn li jkunu investigati ċerti nies u affarijiet biex naslu għall-konklużjonijiet mill-aktar fiss possibbli.
Dwar l-inkjesta Egrant, l-MEP’s kienu konċernati dwar il-fatt li mhux kulħadd għandu aċċess għar-rapport kollu. Dan ir-rapport se jkun aċċessibbli għal kulħadd, biex wieħed ikun jista’ jagħmel il-konklużjonijiet tiegħu?
Il-Ministru tat-Turiżmu, Konrad Mizzi, li ġie mistieden ukoll biex jiltaqa ‘mad-delegazzjoni, avża lill-MEPs li mhux disponibbli biex jiltaqa’ magħhom. Għalhekk ma setgħux isaqsuh għaliex għadu ma assumiex responsabbiltà politika. Talba mill-MEPs biex jiltaqgħu mal-konsulenti finanzjarji ta’ Konrad Mizzi, Nexia BT, ġiet irrifjutata wkoll.
L-MEP’s ikkonkludew li hemm bżonn ta’ soluzzjoni malajr biex b’hekk il-poplu Malti jerġa’ jkollu fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Dan il-grupp ta’ ħidma twaqqaf f’Mejju li għadda, u għandu r-rwol speċifiku li jinvestiga s-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’Malta u fis-Slovakkja. Filfatt, eżatt qabel ġew Malta, l-istess MEPs kellhom żjara simili fis-Slovakkja. Dan wara l-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu.
//= $special ?>