Sport

OLIMPJADI: Il-WADA tneħħi s-sospensjoni tar-Russja

Il-kumitat eżekuttiv tal-World Anti-Doping Agency (WADA) iddeċieda biex ineħħi s-sospensjoni tal-aġenzija anti-doping tar-Russja (Rusada), minkejja l-oppożizzjoni notevoli minn organizzazzjonijiet oħrajn għal dan il-pass.

Id-deċiżjoni, b’hekk, ġabet fi tmiem is-sospensjoni tar-Russja, effettiva għal tliet snin, u li segwiet skandlu kbir dwar id-doping.

Madankollu, il-Viċi-President tal-WADA, Linda Helleland, flimkien ma’ atleti ewlenin u entitajiet oħrajn tal-anti-doping, riedu li s-sospensjoni għar-Russja tkompli – bil-President tal-WADA, Sir Craig Reedie, jagħmilha ċara li ‘dan il-pajjiż (ir-Russja) ‘il quddiem, irid ikun suġġett għall-kundizzjonijiet stretti.’

Reedie qal li l-maġġoranza assoluta tal-membri (12) tal-kumitat għar-reviżjoni tal-WADA kienu appoġġjaw ir-rakkomandazzjoni favur ir-Russja waqt laqgħa fis-Seychelles. Intant, hemm ukoll żmien speċifiku biex il-WADA tingħata aċċess għad-data u kampjuni tal-laboratorju li kienet tuża r-Rusada, xi snin ilu.

Ir-Rusada kienet ilha sospiża mill-2015 b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet dwar ‘proċessi tad-doping appoġġjati mill-Istat ( tar-Russja)’. L-aġenzija kienet akkużata li ħbiet l-abbuż b’sustanzi projbiti minn atleti Russi u li jingħad li seħħ ukoll fi żmien l-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2014, f’Sochi.

Ftit tal-jiem ilu, il-kumitat tal-WADA kien irrakkmanda biex titneħħa s-sospensjoni għal Rusada, wara li rċeviet ‘il-garanziji’ mingħand il-Ministeru għall-Isport tar-Russja fis-sens li ‘il-pajjiż qed jirrikonoxxi l-fallimenti tal-passat’.

Sadanittant, il-kummissjoni tal-atleti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) qalet, f’nofs il-ġimgħa, li hi kienet ‘taqbel fi prinċipju’ mar-rakkomandazzjoni għat-tmiem tas-sospensjoni tar-Russja.