Il-midfielder Franċiż ta’ Manchester United, Paul Pogba, faħħar ‘id-determinazzjoni u l-mentalità soda’ tal-plejers sħabu, meta t-tim qed juri titjib minn logħba għal oħra.
Fil-fatt, il-klabb Britanniku jidher li ġej f’tiegħu wara bidu tal-istaġun diżappuntanti, bir-Red Devils, issa, jiksbu tliet rebħiet konsekuttivi (kollha barra minn darhom) — ma’ Burnley u Watford fil-kampjonat domestiku u bir-rebħa l-oħra tasal nhar l-Erbgħa kontra Young Boys, fiċ-Champions League.
Pogba sab ix-xibka darbtejn fil-konfront ma’ Young Boys u ħadem assist perfett għal Anthony Martial li skorja l-aħħar gowl fir-rebħa, 3-0, ġewwa l-Wankdorf Stadium.
Intant, Pogba – li qed ikun suġġett għal spekulazzoni dwar il-futur tiegħu bħala plejer ta’ Man Utd – qal li l-aħħar riżultati tajbin jirriflettu l-ispirtu pożittiv u l-għaqda tal-plejers.
‘Mhemmx dubju li l-plejers ikunu ferħanin meta jkunu għaddejjin minn żmien tajjeb u l-fatt li l-plejers ta’ United huma mentalment b’saħħithom għandu jgħin biex il-klabb jikseb aktar suċċessi fil-futur’, qal Pogba. Hu sostna li r-rebħa fuq Young Boys kienet ferm importanti għaliex din kienet l-ewwel logħba għal United fiċ-Champions League u fejn it-tim irnexxielu jikseb ir-riżultat li xtaq, anki jekk jeżisti xorta lok għal titjib.
Manchester United huma l-liders ta’ Grupp H fiċ-Champions League u fit-2 ta’ Ottubru, huma se jilqgħu lil Valencia, f’Old Trafford. Intant, Pogba jinsab ferm sodisfatt biż-żewġ gowls tiegħu fl-Iżvizzera u qal li l-aktar ħaġa importanti għalih, bħala captain tat-tim, hu li jgħin lil sħabu biex ikomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
//= $special ?>