Futbol Sport

RANKINGS TAL-FIFA: Franza u l-Belġju jaqsmu l-ewwel post

Il-Belġju ssieħbu ma’ Franza bħala ‘joint leaders’ fil-quċċata tar-rankings tal-pajjiżi li l-lista tagħhom kienet ippubblikata mill-FIFA.

Din hi l-ewwel darba fil-25 sena li ilha teżisti din il-lista li żewġ pajjiżi telgħu jaqsmu l-ewwel post wara sensiela ta’ riżultati eċċellenti fuq livell ta’ kompetizzjoni.

Il-Belġju, taħt it-tmexxija ta’ Roberto Martinez, kmieni fix-xahar, rebħu żewġ konfronti – b’dawn jinkludu l-ewwel rebħa (għall-ispejjeż tal-Iżlanda) fil-UEFA Nations League – biex issa laħqu l-punteġġ ta’ Franza (1,729) f’ras il-klassifika tal-FIFA.

Min-naħa tagħhom, Franza – li huma ċ-Champions tad-Dinja – dan ix-xahar spiċċaw fi draw, 0-0, mal-Ġermanja fi Munich fl-ewwel logħba tal-UEFA Nations League u fejn ftit jiem wara huma għelbu lill-Olanda, 2-1 (fl-istess kompetizzjoni) f’Saint-Denis.

Il-bidla notevoli l-oħra fl-Aqwa Għaxra tar-Rankings tal-FIFA tinvolvi lid-Danimarka li issa qed tokkupa l-għaxar post fil-lista, taħt Spanja.

Wara l-wirjiet deludenti fit-Tazza tad-Dinja, il-Ġermanja – li mhix inkluża mal-aħjar għaxar tims tad-dinja – telgħet bi tliet postijiet u issa tinsab fit-12 il-post tar-Rankings.

L-Aqwa 10 skont ir-rankings tal-FIFA

1)Franza u Belġju; 3) Il-Brażil; 4) Il-Kroazja; 5) L-Urugwaj; 6) L-Ingilterra; 7) Il-Portugall; 8) L-Iżvizzera; 9) Spanja; 10) Id-Danimarka