Waqt is-summit informali tal-Unjoni Ewropea f’Salzburg, l-Awstrija, kien deċiż li f’Novembru jkun hemm summit speċjali ddedikat lill-Brexit fl-eventwalità li jintlaħaq ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Is-summit se jsir fit-17 u t-18 ta’ Novembru. Dan hekk Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal li kif inhu l-pjan għall-brexit preżentat minn Londra, ma setgħax jaħdem.
Dan hekk kif intilfet kull tama li sa Ottubru jkun intlaħaq ftehim. Ottubru kienet id-data stabbilita biex ikun hemm ftehim biex imbagħad dan ikun approvat qabel it-tluq uffiċjali tar-Renju Unit, f’Marzu.
Il-Brexit flimkien mal-immigrazzjoni illegali kienu t-temi li ddominaw dan is-summit ta’ jumejn. Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May min-naħa tagħha ammettiet li n-negozjati kienu kkumplikati. Imma hija kienet fiduċjuża li jekk ikun hemm rieda tajba, ftehim jintlaħaq fiż-żmien stipulat.
Hi qalet li l-prijoritajiet kienu li jinżamm post l-Irlanda ta’ Fuq fir-Renju Unit, li jkunu mħarsa r-rabtiet kummerċjali mal-UE u tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-UE fil-qasam tas-sigurtà minħabba theddid komuni. Dwar l-immigrazzjoni, intlaħaq qbil biex jingħata bidu għal taħditiet mal-Eġittu u pajjiżi oħra fit-Tramuntana tal-Afrika.
Dan qalu Sebastian Kurz, il-Kanċillier Awstrijak li organizza s-summit, bħala pass ieħor biex titrażżan l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Hu qal li l-Eġittu wera r-rieda li jżid it-taħditiet u l-kooperazzjoni mal-UE dwar dan. Sadattant kien hemm diversi mexxejja Ewropej waqt is-summit li ħeġġew lill-Prim Ministru Theresa May biex tagħmel refe-rendum ieħor; imma hi diġà eskludiet din il-possibbiltà.
//= $special ?>

