Futbol Sport

Aguero jġedded il-kuntratt b’sena oħra

Sergio Aguero ġedded il-kuntratt b’sena biex se jibqa’ ma’ Manchester City sal-2021. L-attakkant ta’ 30 sena qal f’Marzu li jista’ jħalli l-klabb fl-2020 fi tmiem il-kuntatt ta’ qabel hekk kif ried li jtemm il-karriera ma’ Independiente fl-Arġentina.

Iżda dan il-ftehim ġdid ifisser li l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Manchester City se jibqa’ mal-klabb ftit wara li jkun għalaq 33 sena. L-Arġentin skorja 204 gowls f’299 logħba ma’ Manchester City. Kevin De Bruyne, Fernandinho, David Silva u Nicolas Otamendi kollha ffirmaw kuntratti fit-tul fl-aħħar xhur.

Aguero qal li l-idea tiegħu kienet li jdum 10 snin mal-klabb u b’din iż-żieda fil-kuntratt mistenni jilħaq dan l-għan meta l-kuntratt jiskadi. Hu qal li kien trattat tajjeb mill-ewwel ġurnata li ngħaqad mal-klabb u kuntent b’dak kollu li hemm għaddej fil-klabb.

Id-Direttur tal-Futbol tal-klabb Txiki Begiristain qal li Aguero jibqa’ fuq quddiem ta’ dak li huma bħala klabb iridu jiksbu fis-snin li ġejjin. Hu qal li huma fortunati li għandhom wieħed mill-aqwa attakkanti fid-dinja u jinsab ċert li l-partitarji huma kuntenti b’din l-aħbar.