Lokali

Anke t-Turiżmu qed jintlaqat min-nuqqas fil-provvista tal-ħalib

Issa anke t-Turiżmu qed jintlaqat sew min-nuqqas ta’ provvista tal-ħalib fis-suq Malti. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat waslu għadd ta’ rapporti minn żoni turistiċi, bħal Buġibba, fejn il-provvista mhix tilħaq l-ammont mitlub.

Il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ provvista tal-ħalib issa ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat, b’għadd ta’ ħwienet u famiji jagħmlu kuntatt ma’ NET News biex jilmentaw li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra hekk.

Madankollu, jidher li l-affarijiet mhux qed jitjiebu, tant li issa qed jintlaqtu wkoll it-turisti. Persuni li għandhom ħwienet f’żoni turistiċi qalu li qed ikollhom ħafna turisti li qed igergru għax ma jistgħux jixtru ħalib frisk Malti.

Iżda din is-sitwazzjoni tidher li se tieħu fit-tul biex tissolva, partikolarment meta, fil-jiem li għaddew, kelliem għall-kumpanija Benna qal li n-nuqqas ta’ provvista kien ikkawżat minn domanda akbar għall-prodotti tal-kumpanija u minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni.