Lokali

Appell għall-għoti ta’ demm

Iċ-Ċentru tal-Ghoti tad-Demm qed jappella lill-pubbliku biex jekk jista’, jagħti d-demm, hekk kif bħalissa f’pajjiżna hawn nuqqas sostanzjali ta’ demm. Tant hu hekk, li jekk il-provvista ma tiżdiedx drastikament, hemm ir-riskju li jintlaqtu wkoll l-operazzjonijiet.

NET News tkellem ma’ Angelo Degiorgio, il-Manager tas-Servizzi dwar l-Għoti tad-Demm, li spjega s-sitwazzjoni ta’ bħalissa.

“Qegħdin nappellaw f’dan il-weekend biex min jista’ jiġi, jiġi jtina d-demm.”

Hu qal illi dan is-sajf kien hemm nuqqas ta’ korrispondenza min-nies. Angelo Degiorgio spjega l-importanza li jkun hemm nies li jersqu ‘l quddiem u jagħtu donazzjoni tad-demm anke sabiex ikun hemm riserva tajba biżżejjed għall-bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu.

Raġel li ta aktar minn 100 donazzjoni tad-demm u li ilu jagħti donazzjonijiet aktar minn 30 sena, spjega lil NET News li l-għoti tad-demm fih unur kbir u kompla jinkuraġġi lin-nies jagħtu aktar donazzjonijiet ta’ spiss.

Tkellimna wkoll ma’ donatur ieħor, li għalih hu possibbli li jagħti l-platelets. Dan hu proċess mhux daqstant komuni, għalkemm il-platelets huma meħtieġa ħafna minħabba li jwaqqfu d-demm milli jibqa’ ħiereġ meta jkun hemm xi qatgħa. Il-proċess ta’ separazzjoni tal-platelets huwa importanti għaliex dawn il-platelets jagħtu l-possibbilta’ li tingħalaq qatgħa malajr minħabba l-funzjoni speċjali tagħhom.

Biex wieħed ikun jista’ jagħti d-demm, irid ikollu bejn 17 u 62 sena. Fil-każ tal-irġiel, donazzjoni tad-demm tista’ tingħata kull tliet xhur, filwaqt li fil-każ tan-nisa, kull erba’ xhur. Dawk li għandhom it-tpinġija, xorta waħda jistgħu jagħtu d-demm. Għax filwaqt, li min ikun għadu kemm pinġa ma jitħalliex jagħti d-demm mill-ewwel, wara sitt xhur hu jkun jista’ jagħti bħal ħaddieħor.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jiftah kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, mit-8am sas-6pm.