Internazzjonali

It-Tanżanija: Imutu ‘il fuq min 140 fi traġedja b’vapurett f’Lake Victoria

Uffiċjali fit-Tanżanija qalu li mietu ‘il fuq minn 140 persuna wara li vapurett li kien mgħobbija bil-mijiet tal-passiġġieri nqaleb fl-ilma waqt vjaġġ f’Lake Victoria.

Ħafna mill-passiġġieri għadhom nieqsa, bl-awtoritajiet ma jeskludux li, fil-fatt, setgħu għerqu ‘total ta’ 200’. Dan waqt li komplew l-isforzi tas-salvataġġ fiz-zona tat-traġedja wara li kienu waqfu matul il-lejl.

Il-vapurett – l-MV Nyerere – inqaleb waqt li kien qed jivvjaġġa qrib il-gżira ta’ Ukara u wara li kien telaq minn Bugorora.

L-indikazzjonijiet kienu li l-vapurett, li kien mgħobbi ż-żejjed, inqaleb fuq naħa meta l-folol tan-nies abbord ‘ġrew lejn dik in-naħa’ u waqt li l-membri tal-ekwipaġġ kienu qegħdin jaħsbu biex jitfgħu l-ankri.

It-traġedja, fl-istess ħin, kellha ssir meta l-vapurett kien qiegħed biss xi 50 metru ‘il bogħod mix-xatt; b’ħafna mill-passiġġieri jmutu ‘minħabba li ma kenux jafu jgħumu’ u ‘wara li spiċċaw f’diffikultajiet’.

Jidher li waqt il-vapurett li nqaleb kellu l-kapaċità biex iġorr 100 passiġġier, dan, fil-fatt, kellu fuqu ‘talanqas 400 aktar passiġġier’ fil-ħin tal-inċident. Il-folol ta’ fuqu, fl-istess ħin, kienu akbar minn tas-soltu, meta ħafna mill-vittmi kienu qed jirritornaw id-dar wara mawra fis-suq ta’ Bugorora ( fuq il-gżira ta’ Ukerewe).

Il-vapurett kien qed jipprovdi servizz f’rotta attiva ħafna u kien qed jaqsam diversi drabi, kuljum, bejn il-gżejjer ta’ Ukara u Ukwerewe, li huma qrib ta’ Mwanza, li hi t-tieni l-akbar belt fit-Tanżanija.

Waqt li ċ-ċifra finali tal-vittmi ma kenitx ikkonfermata, il-Kummissarju Reġjonali ta’ Mwanza, John Mongella, sostna li kienu salvati ftit aktar minn 40 passiġġiera mill-ilma u li dawn kienu f’kundizzjoni kritika.