Il-Papa Franġisku se jwassal messaġġ ta’ solidarjetà għall-pajjiżi Baltiċi meta għada jasal fil-Litwanja għall-ewwel impenji ta’ vjaġġ sinifikanti fir-reġjun. Il-messaġġ tal-Papa se jkun partikularment segwit fi żmien delikat għar-reġjun u meta l-pajjiżi Baltiċi – li 30 sena ilu nqatgħu mill-eks Unjoni Sovjetika komunista – qed ikunu attenti ħafna għar-Russja, li bdiet tħaddan politika dejjem aktar aggressiva.
Iż-żjara – imqassma fuq erbat ijiem – hi l-ewwel waħda minn Papa fil-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja mill-1993. Dan meta l-pajjiżi, illum, qed jiffurmaw parti min-NATO u z-zona ewro.
Il-passat għadu importanti f’reġjun li, għexieren ta’ snin ilu, kien taħt l-okkupazzjoni tas-Sovjetiċi kif ukoll tan-Nażisti ta’ Adolf Hitler (fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija). Il-komunitajiet fil-Baltiċi, f’dawk iż-żmenijiet, batew ukoll minn persekuzzjoni reliġjuża li, fost oħrajn, ħallitilhom wirt trawmatiku.
Il-Papa, li se jibda din iż-żjara f’Vilnius, il-kapitali tal-Litwanja, għandu jżur il-Mużew ( ta’ Vilnius) li jfakkar l-era tal-okkupazzjoni u l-ġlied tal-ħelsien – bil-bini inkwistjoni jkun eksħabs tal-KGB Sovjetika fejn mijiet kienu nqatlu u minfejn eluf oħra, fosthom ħafna qassisin, kienu trasferiti lejn is-Siberja.
B’din iż-żjara fl-ekskumpless tal-KGB, il-Papa se jibgħat messaġġ li jimpurtah min-nies li sofrew għall-fidi tagħhom u għad-devozzjoni lejn art twelidhom.
Ir-reġjun tal-Baltiċi anki għadu mġarrab mill-omiċidju ta’ aktar minn 200,000 Lhud taħt idejn in-Nażisti. Reat li kien ukoll xprunat minn xi uffiċjali lokali li kienu qed jikkollaboraw mal-qawwiet tal-okkupazzjoni.
Għaldaqstant, il-Papa Franġisku se jmur jitlob quddiem monument lill-vittmi tal-ghetto ta’ Vilnius, fejn kienu biss ftit mijiet (minn xi 40,000 Lhud) li għexu mill-era tal-Olokawst.
//= $special ?>

