Futbol Sport

Oscar Tabarez se jibqa’ kowċ nazzjonali tal-Urugwaj sal-2022

Il-kowċ tal-Urugwaj Oscar Tabarez iffirma kuntratt ġdid ta’ erba’ snin biex b’hekk se jibqa’ fit-tmexxija tat-tim nazzjonali sal-2022. Din l-aħbar tħabbret mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol fl-Urugwaj ilbieraħ.

Tabarez li għandu 71 sena jinsab fit-tieni esperjenza mal-Urugwaj u mexxa lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu f’erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja fosthom ir-raba’ post fl-2010 fl-Afrika ta’ Isfel. Hu kien il-kowċ ukoll fl-edizzjonijiet tal-1990, l-2014 u l-2018. Tabarez mexxa lit-tim tal-Urugwaj għar-rebħ tal-Copa America fl-2011.

Hu se jżomm miegħu lill-assistenti Celso Otero, Mario Rebollo u Jose Herrera li ilhom miegħu mill-2006. Il-Maestro, kif Tabarez hu magħruf aħjar, mexxa lill-Urugwaj f’185 logħba u f’erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.

Tabarez spikka fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Hu seraq il-qlub tad-dilettanti tal-futbol hekk kif minkejja li hu maħkum b’marda li tattakka n-nervituri, baqa’ xorta jmexxi lit-tim fuq il-bankina, bl-istess determinazzjoni tipika Sudamerikana.

B’hekk Tabarez jista’ jħares b’aktar trankwillità lejn il-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Korea ta’ Isfel u l-Ġappun ix-xahar id-dieħel, u f’Novembru kontra Franza. Is-sena d-dieħla se tkun waħda impenjattiva għalih minħabba li hemm il-Copa America, iċ-China Cup u l-bidu ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022.

Tags