Il-proġett li sewa 110,000 ewro, biex tiġi riġenerata l-Bajja tal-Balluta, qed ikompli jisfaxxa fix-xejn wara li l-Bajja kompliet titherra bil-maltemp li gżiritna ntlaqtet bih.
Minkejja l-filmat imxandar mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, fejn kien ingħad li l-proġett kien wieħed bi pjan sostenibbli, ibbażat fuq studji ta’ xjenza u tal-ambjent, jidher li fil-verità l-pjan ma kien imfassal sew xejn.
Dan kollu jistona mal-fatt li primarjament kien sar studju li jgħid li bil-maltemp, bejn 7 u 30 fil-mija tar-ramel fuq il-Bajja jista’ jintilef. Madankollu, u minkejja li kellu din l-informazzjoni f’idejh, il-Ministru Konrad Mizzi xorta baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu għal dan il-proġett.
Barra minhekk, mhux talli 30 fil-mija tar-ramel spiċċa lura fil-baħar minħabba l-maltemp, talli fl-aħħar sigħat l-ammont tar-ramel li nbela’ mill-baħar kien ħafna aktar.
Il-proġett fil-Bajja tal-Balluta ilu biss xahar u nofs li tlesta, iżda diġà jidher biċ-ċar li, minkejja l-flus li ntefqu mill-Gvern, mhux se ddum ma terġa’ tiġi kif kienet qabel.
Fil-fatt, wara biss ġimagħtejn, diġà kien hemm sinjali li l-Bajja ma kinitx se ssalva mix-Xitwa, li għad trid tolqot lil gżiritna.
U wara li ntwerew l-ewwel sinjali li l-proġett sar għalxejn, Uffiċjali fl-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) qalu biss li r-ramel qed iġib ruħu kif kien mistenni.
U minkejja li ntefqu dawk il-flejjes kollha, fi stqarrija l-MTA għadha qed tinsisti li dan il-proġett hu wieħed esperimentali.
//= $special ?>