Lokali

RITRATTI: L-Arċisqof ifaħħar lil Malta Indipendenti u jindirizza l-bżonn tas-solidarjetà

Hu bir-raġun li l-Maltin u l-Għawdxin jiċċelebraw Jum l-Indipendenza għax f’dan il-Jum, fl-1964, Malta twieldet bħala Stat Sovran u Indipendenti fi ħdan il-komunità tal-ġnus.

Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna, meta kien qed imexxi Quddiesa Pontifikali fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fl-okkażjoni ta’ din il-Festa Nazzjonali.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta kompla jispjega li l-Istati Sovrani huma Indipendenti minn xulxin u awtonomi fil-poter, għalkemm huma wkoll inter-dipendenti. Saħaq fuq il-bżonn tas-solidarjetà bejn l-istati differenti u bejn il-ġnus, fil-politika soċjali interna u bejn il-ġenerazzjonijiet.

L-Arċisqof tenna li s-solidarjeta’ hi valur essenzjali għas-soċjetà Maltija, li tħaddnet mill-Istat fil-politika soċjali sa minn qabel l-Indipendenza u anke wara, mill-Gvernijiet kollha.

Spjega wkoll il-ħtieġa ta’ risposta adegwata u effikaċi għall-fenomenu tal-immigrazzjoni mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.

L-Arċisqof Scicluna spjega kif il-ħtieġa tas-solidarjetà m’għandiex tħares biss lejn l-effett immedjat tad-deċiżjonijiet, iżda wkoll lejn l-effett li d-deċiżjonijiet tal-ġenerazzjoni tagħna se jkollhom fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri, li għadhom ma twieldux.

Għal din iċ-ċerimonja attendew għadd ta’ persuni distinti, fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Attendew ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u għadd ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Preżenti wkoll id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg, membri tal-Kabinett, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Presidenti Emeritus Ugo Mifsud Bonnici u George Abela, kif ukoll għadd ta’ membri tal-Ġudikatura.

Fi tmiem il-Quddiesa Pontifikali, iċ-ċelebrazzjonijiet issoktaw fil-Furjana, fejn tqegħdu bukketti tal-fjuri mill-Kap tal-Oppożizzjoni, mill-Prim Ministru u milll-President ta’ Malta f’riġlejn il-Monument tal-Indipendenza.

Quddiem il-Monument, ingħata salut ta’ 21 tir minn kanuni bħala tislima lil Malta Indipendenti.

Sadanittant, qabel il-Quddiesa, inżammet ukoll il-Parata quddiem il-Kon-Katidral, fejn il-President Coleiro Preca, il-Prim Ministru u l-Aġent Kap Kmandant tal-Armata ntlaqgħu b’salut u bid-daqq tal-Innu Malti, qabel ma l-President spezzjonat il-Gwardja tal-Unur.