Internazzjonali

Tħallas b’ħajjitha għal nirien li qerdu familja

L-awtoritajiet fiċ-Ċina esegwew is-sentenza tal-mewt fil-konfront ta’ mara ta’ 35 sena li kienet qabbdet nirien bi ħsieb speċifiku u bir-riżultat li mietu omm u t-tliet uliedha żgħar.

Mo Huanjing, li kellha 35 sena u li kienet impjegata bħala nanny, wettqet ir-reat fil-belt ta’ Hangzhou u s-sentenza tal-mewt tagħha kienet ikkonfermata fi Frar li għadda.

Hu allegat li l-mara kienet tellgħet id-djun kbar minħabba l-vizzju tal-logħob u li hi ddeċidiet biex tqabbad in-nirien bil-ħsieb li hi, imbagħad, ‘issalva lill-familja’ qabel tipprova tipperswadi lill-omm u l-missier biex jisilfuha aktar flus.

Iżda n-nirien li hi kienet qabbdet fl-appartament tal-familja ( li jinsab fit-tmintax il-sular ta’ bini) spiċċaw qatlu lill-omm u t-tfal ta’ sitt snin, disa’ snin u ħdax il-sena (rispettivament). L-imputata kienet użat lighter biex tqabbad in-nar fis-salott tal-appartament u qabel hi irnexxielha taħrab mill-post.

Il-missier kien barra fuq xogħol meta seħħ ir-reat, f’Ġunju tal-2007, bil-każ ta’ Mo Huanjing jingħata prominenza kbira fiċ-Ċina. Dan ukoll fost allegazzjonijiet li l-iskwadri għall-emerġenzi ‘ma rreaġewx malajr biżżejjed biex jikkontrollaw il-fjammi fl-appartament tal-mewt’.