Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-Unjoni Ewropea għandha titratta lil pajjiżha ‘b’rispett’ waqt in-negozjati dwar il-Brexit. May sostniet, permezz ta’ stqarrija minn Downing Street (f’Londra) li ‘mhux aċċettabbli’ li l-Mexxejja tal-UE iwarrbulha l-pjan għall-Brexit mingħajr ma jipproponu alternattiva ‘f’din il-fażi aħħarija tan-negozjati’.
May għamlitha ċara wkoll li mhix se taqleb ir-riżultat tar-referendum ta’ Ġunju tal-2016 fejn il-maġġoranza tal-Britanniċi kienu vvutaw biex jispiċċaw minn membri tal-Unjoni. Hi anki sostniet li ‘bl-ebda mod mhi se tkisser lil pajjiżha fiċ-ċirkustanzi’.
L-istqarrija ta’ May ingħatat wara li l-Mexxejja tal-UE, waqt laqgħa f’Salzburg (fl-Awstrija), ma laqgħux il-proposta tagħha għall-Brexit bħala waħda kredibbli li tista’ taħdem. Hi, issa, qed tagħmilha ċara li bħalma hi dejjem trattat lill-UE b’rispett, qed tistenna l-istess trattament min-naħa ta’ Brussell ‘meta minn dan tiddependi r-relazzjoni futura tal-UE ma’ Londra ladarba jikkonkludu l-proċess tal-Brexit’.
Theresa May kompliet li r-Renju Unit u l-UE ‘għadhom ‘il bogħod ħafna’ dwar kif trid tiżvolġi r-relazzjoni kummerċjali ta’ wara l-Brexit. Intant, James Brokenshire, il-Ministru Britanniku responsabbli għad-Djar u l-Gvern lokali, kien qal, qabel, li Londra għadha ‘determinata aktar minn qabel’ li tasal fi ftehim qabel il-ħruġ tagħha mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu tal-2019.
Il-Prim Ministru May qalet li l-pjan tagħha biex ir-Renju Unit u l-UE jaqsmu ‘regoli komuni’ għall-prodotti iżda mhux għas-servizzi hu l-uniku mod kredibbli biex huma jevitaw hekk-imsejjaħ hard border bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża. Kwistjoni ta’ hard border tinvolvi sitwazzjoni fejn fruntiera bejn żewġ pajjiżi tkun suġġetta għal sistemi riġidi ta’ kontroll u protezzjoni u li, fil-parti kbira, jinvolvu l-preżenza ta’ suldati jew pulizija.
Intant, uħud mill-membri tal-Partit Konservattiv Britanniku fil-Gvern qed jopponu għall-pjan ta’ May, għaliex għalihom ‘dan għandu jikkomprometti s-sovranità tar-Renju Unit’. Dan ukoll meta l-UE għadha qed tinsisti li r-Renju Unit ma tistax taqbad ‘u tagħżel dak li trid hi’ mill-ktieb tar-regoli li qed jorbot lill-Istati-membri.
//= $special ?>

