Futbol Sport

Tispikka l-koppja Kaljevic-Fontanella f’rebħa faċli għal Valletta

(Ritratt: Domenic Aquilina)

VALLETTA………………….. 6   QORMI……………………… 0

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg (J. Caruana 74’), R. Camilleri, J. Zerafa (J. Borg 69’), R. Muscat, M. Alba, S. Malano (B. Gavrila 81’), M. Piciollo, M. Fontanella, B. Kaljevic

Qormi: J. Azzopardi, A. Cassar, D. Mansi, G. Gesualdi, I. Zammit (N. Ghio 84’), Y. Yankam, M. Micallef, A. Abela, L. Busuttil (M. Borg 65’), M. Soares, T. Gusman (A. Ferreira 77’)

Imwissija: G. Gesualdi 22’, M. Soares 64’ (Q)

Skorjaw: B. Kaljevic 14’, 72’, M. Alba 57’ pen, M. Fontanella 60’, 81’, B. Gavrila 88’ (V)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Luke Portelli, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Miguel Alba (Valletta)

Attendenza: 981

Valletta żammew mal-previżjoni u kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Qormi 6-0. Il-wirja tal-bieraħ tgħaddi ħjiel li l-mument diffiċli tagħhom wara żewġ telfiet konsekuttivi jidher li għadda hekk kif fl-aħħar żewġ logħbiet skorjaw disa’ gowls mingħajr ma sofrew.

Danilo Doncic ħalla l-istess tim li għeleb lil Birkirkara l-ġimgħa l-oħra, b’Miguel Alba jkun l-aħjar fost sħabu. Wieħed irid isemmi l-prestazzjoni li kellhom l-akkwisti l-ġodda Bojan Kaljevic u Mario Fontanella li ħadmu tajjeb bejniethom tul id-90 minuta.

Valletta fetħu l-iskor fl-ewwel attentat denju lejn il-lasta Qormija meta Miguel Alba sab lil BOJAN KALJEVIC bi kross preċiż mil-lemin, bl-attakkant Montenegrin jegħleb lil Jamie Azzopardi b’daqqa ta’ ras. Il-Beltin marru viċin li jirduppjaw fit-32 minuta bi kross ta’ Matteo Piciollo mix-xellug lejn Miguel Alba li prova konklużjoni mill-ewwel iżda x-xutt b’saħħtu bix-xellug għadda ftit barra.

Tliet minuti wara, Alba krossja mil-lemin fil-kaxxa, Bojan Kaljevic ma laħaqx bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Matteo Piciollo iżda minn qagħda tajba xxuttja barra.

Fit-tieni taqsima, it-tim ta’ Danilo Doncic kompla fejn ħalla u fis-57 minuta ngħata penalty wara li twaqqa’ fil-kaxxa Mario Fontanella. Mill-11-il metru MIGUEL ALBA għeleb lil Azzopardi b’xutt fil-baxx għar-rokna. L-iskor sar 3-0 mas-siegħa logħob bi kross mil-lemin ta’ Miguel Alba għan-nofs, Bojan Kaljevic ikkontrolla u qassam għan-nofs lejn MARIO FONTANELLA li minn pożizzjoni ċentrali sammar il-ballun wara Azzopardi.

Valletta kienu f’kontroll assolut tal-logħba u ma kinitx sorpriża li għaqqdu l-poker fit-72 minuta b’Mario Fontanella jgħaddi b’intelliġenza lejn Matteo Piciollo li għadda l-ballun wara Azzopardi iżda mill-viċin BOJAN KALJEVIC kompla f’lasta vojta minn ftit metri bogħod.

Kien fadal ħin għal aktar gowls u fil-81 minuta reġa’ kien MARIO FONTANELLA li rċieva b’mod preċiż mingħand Kaljevic u waħdu għadda l-ballun wara Azzopardi. Valletta skorjaw is-sitt gowl fit-88 minuta, b’Matteo Piciollo jgħaddi l-quddiem lejn is-sostitut BOGDAN GAVRILA li qata’ għan-nofs u b’xutt mill-isbaħ bix-xellug għeleb lil Azzopardi b’xutt għar-rokna.