Lokali

Appell lill-awtoritajiet biex jipprevjenu iżjed imwiet kawża tal-vjolenza domestika

Grupp ta’ attivisti, akkumpanjati minn numru mdaqqas ta’ persuni u saħansitra l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż is-Sibt filgħodu nġabru l-Belt għal mixja kontra l-vjolenza domestika u l-qtil tan-nisa – reat magruf bħala femmiċidju.

Il-mixja ssejħet mill-Women’s Rights Foundation fl-isfond tal-qtil ta’ Lourdes Agius, omm ta’ sitt itfal, li ġiet fgata mis-sieħeb tagħha waqt li kienet rieqda fir-residenza tagħha f’Raħal Ġdid.

Dawk preżenti appellaw għal infurzar u tisħiħ tas-sistemi li suppost joffru protezzjoni lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Appellaw ukoll għal iktar għarfien u taħriġ lill-uffiċjali li jkollhom x’jaqsmu mal-vittmi jew jirċievu r-rapporti tagħhom, anke fl-isfond ta’ rapporti li Agius ressqet numru ta’ rapporti li kienet tiġi trattata ħażin.

Matul il-mixja ġew esposti numru ta’ messaġġi fosthom appelli minn ommijiet biex ikunu protetti huma u wliedhom, b’messaġġi oħra jistaqsu min imissu jmut jew kemm għad fadal imutu nisa qabel tittieħed azzjoni.

Matul il-mixja, l-attivisti ma ħasbux biss fil-vittmi, imma wkoll f’dawk li jħallu warajhom, b’enfasi b’mod speċjali fuq it-tfal li ħafna minn dawn il-vittmi kellhom. Huma esponew kartelluni bl-ismijiet tan-nisa maqtula fl-aħħar snin u n-numru tat-tfal li ħallew warajhom.

Dan anke fl-isfond li l-aħħar każ, il-qtil ta’ Lourdes Agius, ħalla problemi kbar għall-familja tagħha li kellha tirrikorri għall-għajnuna saħansitra biex seta’ jsir il-funeral tal-vittma waqt li aġenziji differenti qed jipproteġu u jipprovaw isibu l-aħjar mod kif l-ulied ikomplu b’ħajjtihom.

Sa mis-sena 2000, f’pajjiżna nqatlet 37 mara, li 26 minnhom inqatlu mis-sieħeb tagħhom jew minn qarib. Ir-rata ta’ femiċidju f’Malta tlaħħaq persentaġġ għoli ta’ 70%.

Din is-sena biss, s’issa kien hemm tliet vittmi oħra f’pajjiżna – Maria Fenech,  flimkien ma’ oħtha Antonia Micallef, inqatlet fil-Gharghur, minn binha, f’Lulju li għadda, waqt li f’Awwissu s-sieħeb ta’ Shannon Mak qatilha fit-triq f’Santa Venera.