Lokali

Arrestati missier u iben wara sejba ta’ għasafar ibbalzmati f’Ħal Safi

Uffiċjali tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-ALE arrestaw missier u iben wara sejba t’operazzjoni tal-ibbalzmar illegali tal-għasafar f’Ħal Safi.

Is-sejba seħħet hekk kif l-uffiċjali kienu qed jinvetigaw numru ta’ rapporti ta’ kaċċa illegali fl-inħawi, u kien hawnhekk li sabu lis-suspettati jaħdmu fuq diversi karkassi friski tal-għasafar.

Filwaqt li fuq il-post instabu tnax-il għasfur mejjet, fosthom Kuċċard protett, l-indikazzjonijiet kollha juru li lkoll kemm huma nqatlu waqt dan l-istaġun tal-kaċċa.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ż-żewġt irġiel mhux l-ewwel darba li xellfu difrejhom mal-Awtoritajiet, kif ukoll magħrufa li jtellgħu n-nies l-Afrika fuq ġiti tal-kaċċa. Madwar 4 snin ilu, l-missier u l-iben kienu tressqu l-Qorti wara li nstabu fil-pussess ta’ diversi ajkli mejta lesti biex jiġu bbalzmati.