Futbol Sport

Faċli għal Liverpool u Man City, b’Man Utd miżmuma f’Old Trafford

(Ritratt: Premier League)

Liverpool ikkonsolidaw posthom bħala l-leaders tal-Premier League b’rebħa tajba oħra li waslet għall-ispejjeż ta’ Southampton f’Anfield Road. B’hekk ir-Reds irreġistraw l-aqwa bidu għal staġun fl-istorja tal-klabb, għalkemm jistgħu jintlaħqu minn Chelsea, li llum huma impenjati ma’ West Ham United f’derby ieħor ta’ Londra u meta l-Blues, l-istess bħal Liverpool, għandhom il-punti massimi mil-logħob li lagħbu s’issa.

Sadanittant, Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, pattew għat-telfa sorpriża f’darhom ma’ Olimpique Lyon, fiċ-Champions League, b’rebħa kbira f’Wales, 5-0, fuq Cardiff City biex żammew il-pass mal-liders.

Iżda waqt li Liverpool, Chelsea u Manchester City qed ikomplu juru forma mill-aqwa mhux l-istess jingħad għal Manchester United li kienu miżmuma f’darhom minn Wolves. Dan żgur ma kienx ir-riżultat li xtaqu l-partitarji tar-Red Devils li ħonqu Old Trafford biex isellmu lill-eksmanager leġġendarju Sir Alex Ferguson li rritorna fosthom għall-ewwel darba wara żmien twil indispost minħabba problemi tas-saħħa.

Liverpool qatt qabel ma kienu rebħu l-ewwel seba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha fi kwalunkwe staġun, iżda r-Reds irnexxielhom jiċċelebraw is-600 logħba ta’ Jurgen Klopp bħala manager b’wirja tajba oħra. Ir-rebħa fuq is-Saints tfisser li Liverpool kisru r-rekord antik tal-istaġun 1961-62 meta kienu kisbu punti massimi mill-ewwel sitt impenji.

Il-logħba f’Anfield kienet prattikament magħluqa sal-mistrieħ, u fejn ir-Reds kienu diġà qed igawdu vantaġġ ta’ tliet gowls. Dawn waslu minn awtogol ta’ Wes Hoedt; daqqa ta’ ras ta’ Joel Matip u xutt mill-qrib ta’ Mohammed Salah. It-tieni taqsima kienet mingħajr storja, b’Liverpool jikkontrollaw il-logħba u b’Salah ikollu ‘gowl’ ieħor imħassar lejn l-aħħar ħinijiet.

Intant, Manchester City wieġbu bl-aħjar mod għad-disfatta fiċ-Champions League, fejn l-attakkant Arġentin, Sergio Aguero, poġġiehom fit-triq tar-rebħ bl-ewwel gowl – li wasal fit-300 dehra tiegħu bil-flokk tas-Citizens. Minn dak il-ħin, City ma ħarsux lura u qabel il-mistrieħ huma żiedu l-iskor minn Bernardo Silva u Ilkay Gundogan.

Wara l-mistrieħ, Cardiff ippruvaw inaqqsu d-distakk iżda d-difiża ta’ City għalqitilhom l-ispazji, b’Riyad Mahrez – li dan is-sajf ingħaqad mal-klabb minn ma’ Leicester City – jiskorja żewġ gowls oħra ( u l-ewwel tnejn tiegħu għal Man City) għar-riżultat finali, 5-0.

Kollox kien qed jindika li Manchester United kienu se jirreġistraw rebħa oħra wara s-suċċessi barra minn darhom kontra Burnley u Watford, iżda minkejja l-gowl bikri ta’ Fred, huma kellhom jaqsmu l-punti ma’ Wolves, li fl-ebda ħin ma dehru inferjuri għall-avversarji bil-wisq aktar ikkwotati.

Qabel il-logħba, Sir Alex Ferguson ingħata merħba kbira meta ħa postu fil-ground għall-ewwel darba mindu, f’Mejju, kellu jgħaddi minn kirurġija ta’ emerġenza għal emorraġija f’moħħu.

Intant, wara l-gowl ta’ Fred, United naqsu milli jimponu ruħhom fuq l-avversarji, b’Wolves jiksbu d-draw meta Pogba tilef il-ballun f’nofs il-ground u Moutinho approfitta mill-indeċiżjoni tad-difiża biex jegħleb lill-gowlkiper de Gea  għall-1-1 finali. Ir-riżultat ifisser li United jinsabu tmien punti wara Liverpool u meta mill-ġdid naqsu milli jieħdu t-tliet punti ma’ tim neopromoss għall-ogħla diviżjoni.

Aleksandar Mitrovic (b’ħames gowls) laħaq lil Eden Hazard ta’ Chelsea fil-quċċata tal-aqwa skorers tal-Premier League, bis-Serb jikseb id-draw għal Fulham kontra Watford fi Craven Cottage. Il-Hornets, qabel, kienu marru fil-vantaġġ wara biss 90 sekonda minn Andre Gray iżda l-opportuniżmu ta’ Mitrovic aċċerta li l-Cottagers setgħu joħorġu b’punt minn dan il-konfront.

Burnley kisbu rebħa enfatika u meritata, 4-0, f’Turf Moor kontra Bournemouth, biex temmew is-sekwenza negattiva tal-aħħar ġimgħat li rat lill-Clarets jokkupaw l-aħħar postijiet tal-klassifika. Il-gowls ta’ Burnley waslu mingħand Matej Vydra, Aaron Lennon u doppjetta minn Ashley Barnes.

Leicester City sabu ruħhom minn taħt f’darhom ma’ Huddersfield Town li, b’sorpriża’, fetħu l-iskor minn Matthias Jorgensen. Iżda l-Foxes wettqu rimonta impressjonanti u  immedjata fejn qalbu r-riżultat b’gowls ta’ Iheanacho, Maddison u Vardy.

Crystal Palace u Newcastle United spiċċaw fi draw, 0-0, f’Selhurst Park, u fejn il-Geordies irnexxielhom jiksbu t-tieni punt tagħhom tal-istaġun. Kienu Palace li waslu l-aktar qrib li jiżblukkaw ir-riżultat meta l-freekick ta’ Milivojecic stampa mal-mimduda f’nofs l-ewwel taqsima.

Tottenham Hotspur pattew għall-aħħar diżappunti fil-league u fl-Ewropa b’rebħa barra minn darhom, 2-1 fuq Brighton. Brighton kellhom bidu tajjeb iżda kienu Spurs li kisbu l-vantaġġ minn penalty ta’ Harry Kane, erba’minuti mill-mistrieħ. Il-gowl wasal u wara l-‘hands’ ta’ Glenn Murray fil-kaxxa.

Fit-tieni taqsima, Shane Duffy kellu gowl imħassar għas-Seagulls, b’Tottenham jidruppjaw kwarta mit-tmiem minn Erik Lamela, li aċċerta l-punti għat-tim tiegħu. Sekondi mit-tmiem, Brighton skurjaw il-gowl tal-bandiera minn Anthony Knockaert li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx.