Lokali

‘Future Leaders’ – “Insawru l-mexxejja ta’ għada” – PN

Programm ta' formazzjoni politika għaż-żgħażagħ

“Irridu nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista partit żagħżugħ, billi nagħtu liż-żgħażagħ aktar spazju u taħriġ biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-deċiżjonijiet politiċi ta’ pajjiżhom.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli meta nieda l-programm ta’ formazzjoni politika Future Leaders.

Clyde Puli qal li l-ħsieb wara dan il-programm huwa t-twemmin tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li jrid jiftaħ il-bibien tal-partit għall-parteċipazzjoni ta’ aktar żgħażagħ. Huwa qal ukoll li Future Leaders huwa wieħed minn diversi inizjattivi fil-proċess ta’ tiġdid li qed isir fil-Partit Nazzjonalista. Wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-Kunsill Ġenerali ta’ Mejju li għadda, l-Partit Nazzjonalista nizzel l-età tat-tesserament għal 14-il sena u twaqqfet il-fergħa l-ġdida Team Start għal żgħażagħ adolexxenti u qed jiġi assigurat li tal-inqas 14-il membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-partit ikunu żgħażagħ.

“Dan il-programm se jkun organizzat mill-AŻAD u huwa parti mit-tiġdid tal-PN, b’iniżjattivi li se jkompli jġib lill-PN bħala aktar Partit żagħżugħ” – Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li Future Leaders huwa programm ta’ taħriġ u żvilupp għaż-żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u l-24 sena u li għandhom aspirazzjoni li jidħlu għall-ħajja politika. Dan il-programm se jsir flimkien mal-AŻAD, li se tkun qed taħdem fil-qrib mal-Fondazzjoni Konrad Adenauer, kif ukoll ma’ politiċi b’esperjenza u esperti oħrajn fil-qasam.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius qal li l-programm se jkun jinkludi sessjonijiet interattivi dwar temi politiċi fosthom xi tfisser li tidħol fl-arena politika, kif tidher u titkellem fil-pubbliku b’kunfidenza u tiddibatti, kif tagħmel kampanja politika, kummentarju u analiżi politika. Huwa qal li se jkun hemm ukoll sessjonijiet dwar kif taħdem il-midja u kif użu tal-mezzi soċjali fil-politika sa kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Future Leaders imbagħad se jinkludi wkoll workshopsli se jidħlu aktar fid-dettall.

Il-Kordinatur tal-Future Leaders Charlo Bonnici qal li permezz ta’ Future Leaders, dawk li se jipparteċipaw f’dan il-programm se jingħataw l-opportunità ta’ shadowinguffiċjali u politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ħidma prattika fi ħdan l-organi tal-partit. Kif ukoll esperjenzi li jagħtu lill-parteċipanti idea ġenerali ta’ xi tfisser il-ħidma politika.

Future Leaders se jibda f’Novembru li ġej u se jibqa’ għaddej sa tmiem l-ewwel kwart tal-2019. Kull min hu interessat li jipparteċipa f’dan il-programm ta’ formazzjoni politika għandu jibgħat imejl lil roderick.agius@azad.org.mt jew jimla l-applikazzjoni online f’din il-link https://tinyurl.com/y7b2uk6v sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Ottubru li ġej. Il-parteċipazzjoni fil-Future Leaders huwa mingħajr ħlas.